Serb ta’ 39 sena ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li wieġeb mhux ħati li kien involut fi ġlieda ma’ Malti fuq spazju ta’ parkeġġ f’San Pawl il-Baħar.
Fil-Qorti nstema’ kif il-Ħadd waranofsinhar iż-żewġt irġiel kellhom xi jgħidu dwar spazju ta’ parkeġġ, liema argument eskala u l-imputat allegatament gidem suba’ r-raġel l-ieħor.
Kien hawn li l-Pulizija ssejħu fuq il-post fejn l-imputat ittieħed mill-Pulizija u l-Malti ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
Fil-Qorti, id-difiża mmexxija minn Daniel Attard talbet għall-ħelsien mill-arrest, u argumentat kif l-imputat ilu jgħix f’Malta għal dawn l-aħħar ħdax-il sena u qatt ma xellef dufrejh mal-ġustizzja.
Il-Prosekuzzjoni m’oġġezzjonatx għal din it-talba hekk kif spjegat li l-imputat sofra xi ġrieħi wkoll, iżda appellat għal ordni ta’ protezzjoni u kundizzjonijiet stretti marbuta mal-ħelsien mill-arrest.
Is-Serb ingħata l-ħelsien mill-arrest u ġie mitlub jagħmel depożitu ta’ €1,000 filmkien ma’ garanzija personali ta’ €10,000 fost kundizzjonijiet oħra.