L-aħwa Robert u Adrian Agius, magħrufa bħala Tal-Maksar, flimkien ma’ Jamie Vella ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti li kienet ippreseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Hija insistiet li l-ħelsien mill-arrest mhuwiex dritt tal-akkużati. Il-Maġistrat ikkwotat Artiklu 5 tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li tgħid li l-ħelsien mill-arrest għadu jingħata jekk m’hemmx riskju li l-akkużati jistgħu jaħarbu, jistgħu jbagħbsu l-evidenza, ma hemmx ċans li jwettqu xi reat ieħor u li ma jkunx hemm ċans li tinħoloq xi diżordni pubblika.
Il-Qorti kkunsidrat li t-talba għall-ħelsien mill-arrest saret erba’ xhur u nofs wara li l-akkużati tressqu l-Qorti għall-ewwel darba. Hija qalet li dan mhux ħafna żmien, meta wieħed jikkunsidra l-gravità tar-reati li huma mixlija bihom.
It-tliet akkużati huma mixlija bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizija fl-elfejn u sbatax u dak tal-Avukat Carmel Chircop fl-elfejn u ħmistax.
Fil-Qorti nstemgħu s-sottomissjonijiet tat-tliet akkużati, bl-Avukat Difensur Alfred Abela insista l-Prosekuzzjoni ma għandhiex aktar xhieda x’tippreżenta u għalhekk qalet li mhuwiex ġust li l-imputati jibqgħu jinżammu taħt arrest preventiv.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, għaliex qalet li r-reat li l-akkużati qed ikunu mixlija bihom jinvolvu kriminalità organizzata. Barra minn hekk, teżisti l-biża’ li l-evidenza tkun imbagħbsa.
Il-Prosekuzzjoni aċċennat ukoll għall-fatt li Robert Agius kien jivvjaġġa ħafna u għalhekk il-biża’ li dan jaħrab hija kbira.
It-tliet akkużati qed ikunu mixlija wkoll li provdew il-bomba li biha nqatlet Caruana Galizia, filwaqt li Adrian Agius qed ikunu akkużat ukoll li kkummissjona l-qtil ta’ Carmel Chircop.