Fil-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista ta’ Tas-Sliema reġa’ beda jberraq tant li n-Nutar Joseph Vassallo Agius irriżenja minn President tal-Kumitat.
Jingħad li mart il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo spiċċat minn Kunsilliera tal-partit fil-Kunsill Ġenerali f’isem tas-Sliema.
Fil-fatt fuq din it-tneħħija ta’ Marina Arrigo, li hija eks Sindku Slimiża, qam inkwiet kbir f’Kumitat li għadu għaddej bl-intriċċi bħal ma ġara fil-bidu ta’ din is-sena meta suppost saret l-elezzjoni għall-Kumitat Sezzjonali ta’ Tas-Sliema, elezzjoni li spiċċat tħassret wara intriċċi kbar u rtirar ta’ ċertu kandidati li ħassewhom imminati minn Nazzjonalisti stess.
Fil-fatt f’dan il-Kumitat Sezzjonali kien għaddej block vote biex jitilgħu biss membri tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, illum wara Bernard Grech u b’hekk ma jiġux eletti Nazzjonalisti fil-Kumitat ġejjin mill-fazzjoni ta’ Adrian Delia.
Issa l-istess Kumitat neħħa l-vot fl-ogħla organu tal-Partit, jiġifieri fil-Kunsill Ġenerali, lil mart il-Viċi Kap innifsu, li hu magħruf li qalbu għadha tħabbat għal Delia u mhux għal Grech.
Hu mifhum li mart Arrigo u l-Viċi Kap riedu jżommu mistur l-intriċċi kontrihom f’Tas-Sliema u aktar u aktar li mart Arrigo spiċċat xorta kunsilliera tal-Partit iżda mhux fuq Tas-Sliema.