Is-servizz pubbliku nieda policy dwar ix-xogħol mid-dar, magħruf bħala ‘Remote Working’, wara dak imħabbar fil-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku.
Il-ħidma fuq din il-policy bdiet bi proġett pilota u żdiedet minħabba l-impatt tal-COVID-19 fuq il-mod ta’ kif jopera s-servizz pubbliku.
F’kumment ma’ ONE News, il-Kap taċ-Ċivil, Mario Cutajar, innota kif din l-inizjattiva turi kemm is-servizz pubbliku qed ikun katalist għall-bidla biex jadatta għall-ħtiġijiet tal-lum.
Huwa spjega d-differenza bejn is-sistema eżistenti tat-teleworking, fejn l-individwu jitlob għal dan l-arranġament, għar-remote working, li se jkun qed jaħdem b’mod differenti.
Qal, “Differenti mit-teleworking għall-fatt primarju li bit-teleworking seta’ jkollok ħaddiema fuq it-talba tagħhom individwali. Fejn jidħol ir-remote working mhux biss ser ikun hemm dik imma dipartimenti sħaħ, sezzjonijiet sħaħ, funzjonijiet sħaħ ser ikunu jistgħu jaħdmu remotament.”
Din ir-riforma tidħol f’kunċetti bħal standards professjonali u benefiċċji għall-ħaddiema bħar-‘Right to Disconnect’ kif ukoll il-protezzjoni tad-data.
Sakemm jidħlu fis-seħħ il-linji gwida se jkun hemm perjodu tranżitorju ta’ tmintax-il xahar biex tieqaf is-sistema preżenti ta’ teleworking għal dik imnedija mis-servizz pubbliku.