Il-linja tal-ajru Emirates reġgħet bdiet is-servizz ta’ titjiriet tagħha minn Dubaj għal Malta.
It-titjiriet huma skedati tliet darbiet fil-ġimgħa – l-Erbgħa, il-Ġimgħa u l-Ħadd – u jgħaddu minn Larnaca f’Ċipru.
Ir-rotta ssir b’ajruplan modern u spazjuż tat-tip Boeing, b’kapaċità ta’ tnejn u erbgħin seat fil-Klassi tan-Negozju, u tliet mija u sitta u tmenin seat fil-Klassi Ekonomika.
Mal-inżul tal-ewwel titjira tal-Emirates għal din is-sena fil-mitjar Malti, il-Manager tal-Emirates f’Malta qal li l-linja tal-ajru għandha storja twila ta’ servizz ma’ Malta.
Qal, “Iddeċidejna l-Emirates niġu lura Malta wara tlieta u għoxrin sena ta’ servizz għal Malta u rrid nirringrazzja ħafna lill-awtoritajiet bħall-Malta International Airport, Malta Tourism Authority, l-Ambaxxata ta’ Malta fil-UAE, li vera għenuna biex nieħdu din id-deċiżjoni li niġu lura Malta.”
Id-Deputat Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, Leslie Vella, innota kif disgħa u disgħin fil-mija tat-turisti, jiġu Malta bl-ajru u allura l-konnettività b’rotot ġodda hija kruċjali.
Spjega, “L-Emirates huwa importanti għax apprati li jattira turisti kemm mill-Emirati Għarab Magħquda kif ukoll minn Ċipru lejn pajjiżna, nibbenefikaw ukoll min-netwerk estensiv li għandu, partikolarment fl-Ażja u l-Awstra-Ażja sabiex inkunu nistgħu nattiraw turisti minn swieq iktar imbiegħda biex inkomplu niddiversifikaw it-turiżmu tagħna.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport qal li d-deċiżjoni tal-Emirates li terġa’ tibda topera lejn pajjiżna hija mossa ta’ kuraġġ fi żmien ta’ inċertezza.
Qal, “Dis-sena u nofs kien hemm ġranet ta’ sfidi kbar għall-industrija u kif ukoll għall-ajruport, jiġifieri r-ritorn tal-Emirates f’Malta hija vot ta’ fiduċja kbira lill-industrija tat-turiżmu u tal-avjazzjoni.”
Ir-ritorn tal-Emirates kien deskritt bħala pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba biex pajjiżna jiftaħ mill-ġdid ir-rotot tiegħu għal swieq ’il bogħod.