Ingħalaq uffiċjalment l-impjant tal-ħażna tal-fjuwil ‘31 ta’ Marzu’ f’Birżebbuġa. Din kienet ukoll wegħda elettorali tal-Partit Laburista.
Hekk kif ingħalaq dan l-impjant, tħabbar ukoll li beda jintuża l-impjant ta’ Ħas-Saptan.
F’attività fl-istess impjant, deher ħiereġ l-aħħar trakk bil-fjuwil u ntqal kif il-ġimgħa d-dieħla, l-aħħar tanker ser ibattal mill-pont tax-shell, kif inhu magħruf mar-residenti ta’ Birżebbuġa.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Enemed, Kevin Chircop spjega li l-impjant se jitħalla kif inhu sa Diċembru sakemm ikun żgurat li l-impjant ta’ Ħas-Saptan qed jaħdem kif ippjanat.
Qal, “Lejn l-aħħar ta’ dawn is-sitt xhur nerġgħu nġibu l-flotta tal-bowsers li jkunu jistgħu ibattlu t-tankijiet mill-fjuwil u dik il-ħażna tmur Ħas-Saptan u hawnhekk jingħalaq darba għal dejjem. Il-post jerġa’ jingħata lura lill-Enemalta għaliex huwa proprjetà tal-Enemalta u minn hemmhekk imbagħad jiskatta l-proċess ta’ decommissioning, dismantling, cleaning tat-tankijiet.”
Il-Kunsilliera ta’ Birżebbuġa inkarigata mill-ambjent Maria Mifsud, spjegat kif dan il-proġett kien ilu mistenni mir-residenti.
Fost l-oħrajn, se jitnaqqsu mal-erbgħa u erbgħin vjaġġ bil-fjuwil kuljum li kienu jgħaddu minn Birżebbuġa, u se jispiċċaw l-irwejjaħ tal-fjuwil li kienu jimlew il-lokalità meta jimtela’ xi tank.
Spjegat, “Dan il-bżonn ilu jinħass għal snin twal għax dan trid tqis qiegħed ġol-qalba tar-residenti ta’ Birżebbuġa. Ir-residenti barra inkonvenjent għall-kwalità tal-arja, kien inkonvenjent ukoll għall-istorbju, it-trakkijiet għaddejjin erbgħa u erbgħin trakk kuljum jgħaddu minn mal-promenade ta’ Birżebbuġa, jiġifieri tista’ timmaġina l-istorbju u l-effett anke fuq it-triq.”
Il-Ministru Miriam Dalli qalet kif dan huwa jum storiku b’mod speċjali għar-residenti ta’ din il-lokalità.
Spjegat li biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies irid ikun hemm investiment massiċċ. Fil-fatt dan il-proġett sar b’investiment ta’ sebgħin miljun ewro biex il-ħażna tal-fjuwil inġarret minn dan l-impjant għal dak f’Ħas-Saptan.
Qalet, “Ifisser anqas tniġġis, madwar 4.5 tunellati ta’ CO2 anqas. Ifisser ukoll inqas pressjoni fuq l-infrastruttura ta’ Birżebbuġa u aktar sigurtà għar-residenti ta’ din il-lokalità. Imma dak li qegħdin nagħmlu llum huwa waħda mill-ħafna miżuri biex in-naħa ta’ isfel ta’ Malta nkomplu nirriġenerawha.”