L-akkużata bil-qtil ta’ Filippin ta’ 44 sena qalet mal-Pulizija li hija kienet vittma ta’ vjolenza domestika u ddefendiet lilha nnfisha mill-attakki tar-raġel.
Dan intqal hekk kif fil-Qorti bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Mayumi Santas Patacsil, li qed tkun akkużata bil-qtil ta’ Filippin fil-Mellieħa, fil-bidu ta’ dan ix-xahar.
Fil-Qorti xehed l-Ispettur Godwin Scerri li qal kif il-vittma kellu ferita serja f’għonqu u oħra qrib l-istonku.
Intqal kif instabu żewġ iskieken, waħda f’sink u oħra taħt il-gallarija tal-appartament.
L-Ispettur Joseph Attard qal li f’Diċembru li għadda, l-akkużata kienet għamlet rapport dwar messaġġi li kienet qed tirċievi minn mara oħra, li allegatament kien qed ikollha x’taqsam mal-Filippin.
Intqal kif l-akkużata qatt m’għamlet rapport ta’ vjolenza domestika.
Hija baqgħet tinżamm arrestata fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Għall-akkużata dehru l-Avukati Ryan Ellul u Tiziana Micallef.