ONE News jinsab f’pożizzjoni li jiżvela li dalgħodu l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kien kostrett jiltaqa’ mal-ħaddiema tal-partit wara li qam rebus fuq l-aħbar li Christian Peregin tal-LovinMalta se jidħol jaħdem mal-Partit Nazzjonalista u jmexxi l-kampanja tal-partit.
Is-sorsi ta’ ONE News qalu li fl-istamperija qam furur sħiħ minn kmieni filgħodu wara li l-ingaġġ ta’ Peregin sar pubbliku mal-lejl.
Bosta mill-ħaddiema tal-media.link u tal-Partit Nazzjonalista huma urtati li l-partit flok qed jipprova jiġbed demm ġdid u kredibbli ġab lil persuna li fetaħ kawża biex joħnoq il-vuċi tal-istess partit.
Fil-fatt wieħed mis-sorsi tagħna qal li wieħed mill-ħaddiema fl-istamperija dalgħodu saħaq li dan l-att kien ta’ weġgħa u insultar tal-intelliġenza tal-istess ħaddiema li ilhom jintalbu jagħmlu s-sagrifiċji anki minħabba l-qagħda finanzjarja mwergħa li għadu jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista.
“Daħħalna lil min irid joqtolna bil-ġuħ u min irid jagħlaqna”, instema’ wieħed mill-ħaddiema jgħid.
ONE News hu mgħarraf li kmieni dalgħodu l-ħaddiema bdew jipprotestaw, b’uħud jheddu li se jaqbdu jitilqu jew jieqfu jaħdmu jekk ma jarawx il-Kap.
Is-sitwazzjoni tant eskalat li saħansitra ntbagħtet email li l-Kap Bernard Grech kien se jkellem lill-ħaddiema f’laqgħa meqjusa li kienet imsejħa biex isir dak magħruf bħala ‘damage control’.
Jirriżulta li iżda l-laqgħa saret sagħtejn qabel il-ħin skedat u għalhekk il-ħaddiema ltaqgħu mal-Kap fl-għaxra ta’ filgħodu.
Mhux magħruf x’wassal għal dan u jekk il-ħaddiema għamlux iżjed pressjoni biex il-Kap ikellimhom minnufih wara li kellhom rabja kbira fuqhom.
Fl-aħħar elezzjoni ġenerali l-Partit Nazzjonalista kellu lill-eks ġurnalista tat-Times Caroline Muscat, oħra li tippoża tal-indipendenti iżda mbagħad marret biex tmexxi l-kampanja ta’ Simon Busuttil.