It-tkabbir ekonomiku jrid ikun wieħed sostenibbli li jipproteġi l-industriji tradizzjonali, jattira niċeċ ġodda u jassigura kwalità ta’ ħajja għolja għall-familji. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Minsitru għall-Ekonomija Silvio Schembri f’seminar ieħor ta’ konsultazzjoni dwar il-Viżjoni Ekonomika għal dawn l-għaxar snin li ġejjin.
Din is-sessjoni indirzzat l-ewwel pilastru tal-viżjoni, li tittratta tkabbir ekonomiku sostenibbli biex ikollna kwalità ta’ ħajja aħjar.
Il-Ministru Schembri stqarr: “Ifisser kwalità ta’ ħajja aħjar, u tista’ teħodha minn diversi aspetti. Kemm dak finanzjarju tan-nies, imma anke mill-kwalità. Irridu naraw li jkun hemm postijiet fejn in-nies jistgħu jagħmlu ħin ta’ kwalità flimkien u li anke jkollhom il-ħin. Irridu naraw anke li l-livell ta’ pagi jkunu b’saħħithom.”
Il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, Michael Falzon, qal li l-Gvern iħares b’mod ħolistiku l-aqwa interess tal-familji u n-negozji. Hu u jsemmi ż-żieda sostanzjali fin-nefqa tal-Gvern fejn jidħlu l-benefiċċji soċjali, innota li fl-2020, intefqu aktar minn biljun ewro fuq benefiċċji soċjali biss.
Huwa qal, “L-aktar pożittiv hu li rridu nżommu dejjem f’moħħna li l-ewwel u qabel kollox jiġi l-ġid tal-familji. Hawn irridu nuru kif urejna fi tmien snin li l-ekonomija, tajba kemm hi tajba, l-għan aħħari tagħha hu li ntejbu l-kwalità tal-familji.”
Il-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli qalet li l-Gvern irid ikompli jaħdem favur ekonomija b’saħħitha li tħares is-sostenibbiltà ambjentali u l-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd. Dan qed isir grazzi għal diversi inċentivi li nieda l-Gvern.
Hija saħqet: “It-triq ‘il quddiem hija dik diġitali u sostenibbli. Allura qed naraw li nagħtu l-għajnuna meħtieġa lill-intrapriżi biex jaqbdu din it-triq biex nassiguraw impjiegi ta’ kwalità.”
Il-Ministru għar-Riċerka Owen Bonnici qal li l-istrateġija nazzjonali għal wara l-pandemija hija sforz ta’ Gvern sħiħ li qed joffri viżjoni mibnija fuq 149 inizjattiva għal Malta tal-futur qrib.
Huwa tenna: “Nemmnu f’viżjoni waħda u kollettiva ta’ Gvern sħiħ u magħqud biex iġib lil dan il-pajjiż aħjar u jegħleb mhux biss l-isfidi tal-lum imma anke dawk li għad iridu jitwieldu.”
Il-pubbliku mistieden jgħid tiegħu dwar il-viżjoni tal-Gvern billi jżur sit apposta li tnieda mill-MIMCOL sal-31 ta’ dan ix-xahar. Dan billi wieħed jidħol fuq is-sit: https://economicvision.mimcol.com.mt/