Illejla l-Parlament se jibda jiddiskuti żewġ liġijiet importanti fil-qasam tal-libertajiet ċivili.
Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Drittijiet Ċivili Helena Dalli se tressaq it-tieni qari tal-abbozz ta’ liġi li jikkriminalizza t-terapiji ta’ konverżjoni għal persuni LGBTIQ, kif ukoll liġi li temenda l-Att dwar l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess.
Permezz tal-emendi għal-liġi tal-Identità tal-Ġeneru, se jingħata rikonoxximent ukoll tal-identità tal-ġeneru lil persuna illi tkun miżmuma fil-Faċilità Korretiva ta’ Kordin jew f’ xi ċentri oħra ta’ detenzjoni. Dan se jkun possibbli permezz ta’ ġurament li jikkonferma l-istess ġeneru u l-intenzjoni tal-persuna li tkompli tgħix skont l-istess ġeneru matul il-perjodu sħiħ tad-dentenzjoni tagħha.
L-emendi se jeliminaw ukoll il-possibbiltà li taħt il-liġi Maltija l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u/jew l-espressjoni tal-ġeneru tiġu meqjusa bħala xi diżordni mentali hekk kif ikun stabbilit abbażi ta’ kwalunke lista internazzjonali tal-Klassifikazzjonijiet tal-Mard jew klassifikazzjonijiet oħra rikonoxxuti internazzjonalment.
L-Att dwar l-Affermazzjoni tal-Orjentazzjoni Sesswali, Identità tal-Ġeneru u l-Espressjoni tal-Ġeneru huwa ntiż biex jafferma li l-persuni kollha għandhom identità tal-ġeneru u espressjoni tal-ġeneru u li ebda waħda minn dawn il-karatteristiċi ma tikkostitwixxi diżordni. Għaldaqstant, dan l-Att ser ikun qed jikkriminalizza prattiċi ta’ konverzjoni li jsiru fuq persuni vulnerabbli u b’mod sfurzat jew involontarju.
L-abbozz iħares ukoll sabiex jikkriminalizza kull reklamar ta’ prattiċi ta’ konverzjoni.
Permezz ta’ din il-liġi se jkunu qed jiġu kriminalizzati wkoll kwalunkwe prattiċi ta’ konverzjoni illi jsiru minn numru ta’ professjonisti elenkati fl-istess liġi.