Studenta fl-iskola Sekondarja ta’ Ħal Kirkop rebħet il-Premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija għas-sapport li tagħti lil ħabiba tagħha li għandha problemi ta’ komunikazzjoni.
Kylie Grech kienet tgħin lil Valentina Mifsud f’diversi aspetti fil-ħajja tagħha fosthom kif tesprimi ruħha u fit-tagħlim tas-suġġetti akkademiċi.
Hija kompliet b’dawn l-azzjonijiet anki fil-pandemija.
Grech ġiet preżentata b’dan il-premju mill-President ta’ Malta, George Vella fil-preżenza tad-Direttur tal-Laboratorju tal-Paċi, Patri Dijonisju Mintoff.
Il-President, George Vella faħħar l-inizjattivi ta’ Kylie u qal li dawn huma sinjali ta’ valuri, empatija u imħabba.
Qal, “Illum għandna hawnhekk lil Kylie u lil Valentina u dawn ukoll urewna tjubija differenti, ta’ ċertu tip. Spjegat kif għenu lil xulxin u għalhekk huwa tajjeb li wieħed jirrikonoxxi kif il-ħbiberija tagħhom u anki bis-saħħa ta’ din il-ħbiberija kienu ta’ eżempju sabiħ għal sħabhom, huma stess u anki għall-għalliema u l-edukaturi tagħhom.”
Patri Dijonisju Mintoff enfasizza l-bżonn tal-edukazzjoni biex, it-tfal b’mod speċjali, ikunu altruwisti fl-imġieba tagħhom u kulħadd jitfa’ fil-ġenb id-differenzi li jifirduna.