Is-sebgħa u għoxrin awla fil-Qrati ta’ Malta, u t-tlieta li hemm f’Għawdex, huma kollha mgħammra b’sistemi ta’ smigħ diġitali, fi proġett li tlesta xahrejn qabel mistenni.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis spjega kif b’mod tanġibbli, l-attività fil-Qorti se ssir b’aktar effiċjenza.
Qal, “Iċ-ċittadin ser jibbenfika minn ġustizzja aktar effiċjenti, minn ġustizzja b’kumdità. L-ispeċjalisti, it-tobba tagħna ħa jibdew jibbenefikaw billi l-ħin jiddedikawh biex ifejqu lil pazjenti mhux biex jiġu l-Qorti u jixdhu għax ser ikunu jistgħu jagħmlu dan b’mezzi diġitali anki b’mezzi li hemm fl-isptar Mater Dei. Jiġifieri l-idea hi Malta diġitali, ġustizzja diġitali.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti, Eunice Grech Fiorini spjegat kif issa se jibda proċess ta’ installazzjoni ta’ overhead projectors biex jiffaċilitaw il-qari tad-dokumenti mressqa waqt is-seduti.
Barra minn hekk, il-ġudikanti se jkunu offruti laptops fix-xhur li ġejjin biex ikollhom aċċess għas-sistemi fix-xogħol tagħhom.
Qalet, “Għamilna l-awli kollha biex il-ġudikanti jibdew jaċċessaw meta kollha jingħataw il-laptop allura l-ġudikanti issa jistgħu jaħdmu wkoll bil-laptop tagħhom anki fl-awla. Ħalli hekk jiffaċilitalna l-proċess tat-tieni fażi fejn ser indaħħlu l-overhead projectors biex il-ġudikanti jkunu jistgħu jħaddmu s-sistema minn fuq it-tribuna.”
Permezz ta’ simulazzjoni fl-awla mmexxija mill-Imħallef Francesco Depasquale, li ilu jħaddem is-sistema għal diversi xhur, intwera kif din qed taħdem b’avukati u xhieda li jaċċessaw is-seduta b’mod diġitali.
L-Imħallef saħaq kif dan il-pass kien importanti għaliex iċ-ċittadin qed jinqeda aħjar.