Dan il-Gvern irrikonoxxa l-limiti tiegħu u intervjena bl-aktar mod massiċċ biex dawk l-istrati tas-soċjetá li ħassewhom mhux igawdu, u li mhux mexjin ‘il quddiem, jibdew igawdu mill-ġid ta’ dan il-Gvern.
Kien dan il-messaġġ tal-Prim Ministru f’konferenza tal-aħbarijiet l-għada li kien ippreżentat il-baġit. Fi kliem il-Prim Ministru l-familji u n-negozji fehmu li dan il-baġit huwa parti minn road map, direzzjoni politika, bl-għan li l-ġid jasal għand kulħadd.
Baġit li jindirizza r-realtá ta’ strati differenti tas-soċjetá, fosthom il-pensjonanti u l-familjari li jieħdu ħsiebhom kif ukoll koppji bi dħul baxx li għandhom it-tfal. Realtá li se tkun indirizzata permezz ta’ żieda fil-benefiċċji li diġa kienu qed jirċievu u miżuri ġodda fosthom, it-tnaqqis fit-taxxi.
Il-Prim Ministru stqarr li wara dan il-baġit hemm konferma li familji se jkunu f’qagħda aħjar milli kienu tliet snin u nofs ilu, meta beda jiggverna, Gvern Laburista għaliex kien hemm sens ta’ diċenza prevalenti li minflok jaraw x’se jakwistaw huma biss fehmu li dan il-baġit kellu jkun immirat għal dawk l-aktar batuti.
Fl-indirizz tiegħu lill-ġurnalisti, il-Prim Ministru, fisser kif dan il-baġit juri li l-għan mhuwiex biss li jinħoloq il-ġid iżda anke li l-istess ġid jwassal għal miżuri sostenibbli u li ma jwasslux għal żieda fid-dejn.
Min-naħa tiegħu, d-Deputat Prim Ministru Louis Grech stqarr li dan il-baġit huwa wieħed kredibbli biżżejjed li ra s-sostenibbilitá tal-ekonomija. Fi kliemu fisser li baġit tajjeb huwa dak li jagħraf il-bilanċ bejn it-tkabbir ekonomiku u l-ġustizzja soċjali. Id-Deputat Prim Ministru spjega li l-ikbar sfida ekonomika kienet li jonqos id-defiċit, dejn, qgħad u inflazzjoni u li fi tliet snin dawn naqsu kollha.
Grech spjega li l-pajjiż kellu jagħmel tibdiliet strutturali biex jindirizza d-dejn u d-defiċit, tibdiliet li jaffettwaw lin-nies li m’għandhomx jiġu affetwati bħal pensjonanti, u li grazzi għal dan il-baġit dawn in-nies se jingħataw kumpens.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għal Finanzi, Edward Scicluna, spjega li ngħatat impressjoni żbaljata li nies tal-middle class ma’ ħadux benefiċċji. Fakkar li kull minn inqatatlu t-taxxa fl-aħħar snin se jkompli jgawdi minn din il-miżura li tfisser €42 miljun aktar fil-bwiet.