Il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech irreaġixxa b’mod uffiċjali għall-aħħar stħarriġ ippubblikat fil-ħarġa tal-Ħadd tal-gazzetta Maltatoday.
Fuq l-istazzjon tal-partit, Herman Schiavone, meqjus l-espert elettorali tal-Partit Nazzjonalista spjega li l-aħħar stħarriġ, li wera fiduċja b’saħħitha fil-Prim Ministru Robert Abela u kif Bernard Grech huwa inqas popolari mill-partit li jmexxi, ġej minħabba raġuni partikolari.
Huwa stqarr: “Dan is-survey sar f’mument fejn il-poplu Malti kien moħħu fil-futbol. Is-survey beda fit-28 ta’ Ġunju, it-Tnejn mhux li għadda imma ta’ qabel sa nhar it-Tlieta u allura kellek il-EURO għaddej u l-politika naħseb ħadet it-tieni post f’dak li huwa l-prijoritajiet tan-nies.”
Schiavone, li waħħal fil-Kampjonat Ewropew tal-futbol minħabba l-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika, li ġie wara ieħor ta’ Dr Vincent Marmarà, li ta riżultat simili u kien ippubblikat mit-Torċa, huwa magħruf kemm kien jitkellem dwar bozoz ħomor matul is-sajf tas-sena l-oħra, meta kien qed jitħammel il-pjan biex jitqaċċat Adrian Delia minn Kap.
Dak iż-żmien kien hemm argument fost oħrajn li l-Partit Nazzjonalista taħt Delia sejjer ħażin fis-surveys u allura jeħtieġ li dan jitneħħa.
Schiavone, l-ewwel alleat ewlieni ta’ Delia tant li fl-2017 mexxielu l-kampanja għall-Kap, is-sena l-oħra sfiduċja lil Delia, f’att meqjus minn bosta bħala wieħed ta’ tradiment.
Intant ix-xahar l-ieħor, meta ħareġ stħarriġ ieħor li ta riżultat xejn tajjeb għal Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista, dakinhar stess, bħal Schiavone, Bernard Grech mar fuq l-istazzjon tiegħu u qal li l-messaġġ qed jasal, filwaqt li waħħal fil-pandemija.
Grech qal,“Il-gap bejn il-kapijiet naqset. Dak ifisser li b’xi mod il-messaġġ qed jasal. Irridu nifhmu wkoll li dan huwa żmien fejn il-pajjiż qed joħroġ minn pandemija u allura hemm ċertu feel good factor li anke seta’ kabbar id-distakk ikbar bejn il-partiti.” Il-Partit Nazzjonalista ilu jagħti raġunijiet differenti għar-riżultati elettorali jew għas-surveys.
Fl-2019, wara t-telfa fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, il-Viċi Kap David Agius waħħal fl-Anġelus li jixxandar fuq ir-radju tal-partit.
Huwa qal, “Hawn min jgħidlek li mhix raġuni valida għaliex ma tivvotax lil PN għax l-Angelus m’għadux f’Nofsinhar imma issa qed wara l-aħbarijiet. Imma dawn in-nies hekk ħassew.”