F’ġimgħa li pajjiżna kompla jikseb riżultati pożittivi minn istituzzjonijiet internazzjonali, il-Prim Ministru Robert Abela qal li jinsab sodisfatt bil-fiduċja li dawn qed juru f’Malta.
Semma t-tbassir pożittiv li l-Kummissjoni Ewropea tat lil pajjiżna.
Dr Abela stqarr, “Sodisfatt bil-fiduċja li wrew f’pajjiżna, jekk qed nitkellmu dwar il-Kummissjoni Ewropea rrevediet ’il fuq it-tbassir tat-tkabbir ekonomiku għal pajjiżna iżjed milli għamlet għal pajjiżi oħrajn fiż-żona Ewro u din timlik b’fiduċja.”
Dwar ir-rapport tal-Aġenzija ta’ Kreditu Internazzjonali, DBRS, il-Prim Ministru nnota kif l-esperti internazzjonali qed iħarsu lejn pajjiżna b’sens pożittiv.
Hu sostna, “Dak li konna qed nitkellmu dwaru llum għandna l-esperti illi saħansitra qegħdin jikkonfermawh. Il-bidliet li se nkomplu nagħmlu mhumiex se nkomplu nagħmluhom għax sfurzati bid-deċiżjoni tal-FATF imma għax nemmnu li dik hija d-deċiżjoni s-sewwa.”
B’kuntrast għall-ħidma kbira li qed iwettaq Gvern Laburista, il-Prim Ministru nnota kif l-Oppożizzjoni Nazzjonalista mhix kredibbli.
Il-Prim Ministru rrimarka, “Id-deċiżjoni tagħhom li ħarġu biha dwar kif jemmnu li għandu jiġi regolat id-dħul tat-turisti f’pajjiżna turik kemm kapaċi jagħmlu biss proposti li huma nofs sajran. Mhumiex kapaċi mill-Oppożizzjoni jieħdu d-deċiżjonijiet diffiċli meta qegħdin fl-Oppożizzjoni aħseb u ara kieku qegħdin fil-Gvern.”
B’kuntrast, din il-ġimgħa ġew ippreżentati mitt idea mill-Partit Laburista, u l-Mexxej Laburista fakkar fit-tliet prinċipji li jżommu dan il-moviment ħaj. Dawn huma x-xogħol, l-għaqal u t-tqassim tal-ġid.
Hawnhekk qal kif il-Partit Laburista se jibqa’ l-partit li jixpruna l-bidla fil-pajjiż.
Dr Abela tenna, “Proċess ongoing fejn tinjetta demm ġdid fit-tim tiegħek, nies ġodda u żgħażagħ illi kontinwament jidħlu fil-proċess tad-deċiżjonijiet miegħek. U taħt il-bażi tal-100 idea hemm l-għatx tagħna li nibqgħu nixprunaw il-bidla.”