Amir Ashityani ta’ 30 sena u Farmida Mokthari ta’ 19-il sena tressqu l-Qorti akkużati li użaw passaporti foloz biex daħlu f’pajjiżna.
Iż-żewġ Iranjani ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom.
Il-prosekuzzjoni ssuġġeriet piena effettiva għaliex dawn telqu mit-Turkija, daħlu illegalment il-Greċja u pruvaw jgħaddu minn Malta biex imorru Franza u wara jitilqu lejn l-Ingilterra.
Għall-bidu bdew juru li huma kienu qed jitolbu l-protezzjoni iżda qishom ma riedux jibqgħu hawn. Il-Prosekuzzjoni qalet li dan ir-reat għandu marbut miegħu piena ta’ sentejn priġunerija.
L-avukat tal-għajnuna legali spjega kif l-akkużata hija studenta ta’ 19-il sena u l-akkużat huwa plejer tal-futbol professjonali fl-Iran. Qal li kienet minħabba s-sitwazzjoni f’pajjiżhom li kellhom jitilqu. Huwa qal li dawn għarrfuh li huma jixtiequ japplikaw għall-ażil.
Huwa spjega li meta tidħol dgħajsa immigranti dawn ma jidħlux il-Qorti, iżda f’dan il-każ għaliex dawn akkwistaw passaport falz u ġew Malta bl-ajru dawn qed jitressqu.
Qal li qabel jittieħdu passi kontrihom huma għandhom jingħataw iċ-ċans li japplikaw għall-ażil u jagħmlu l-proċess kollu.
Huwa għalhekk talab biex f’dan il-każ il-Qorti tagħtihom sentenza sospiża anke għaliex dan huwa l-ewwel reat tagħhom.
Il-prosekuzzjoni madankollu spjegat kif dawn kienu daħlu l-Greċja u għalhekk setgħu jitolbu għall-ażil hemmhekk. Spjega kif dawn ppreżentaw passaporti Spanjoli foloz biex ikomplu jduru fl-Ewropa.
Il-Qorti kkundanathom sentenza ta’ sitt xhur priġunerija.