Mill-bidu tas-sena d-dieħla, il-banek f’pajjiżna mhux se jibqgħu jaċċettaw ċekkijiet ta’ inqas minn għoxrin ewro.
Dan skont direttivi ġodda maħruġa mill-Bank Ċentrali ta’ Malta.
L-Uffiċjal tal-Bank Ċentrali, Gianella Azzopardi qalet kif din id-direttiva daħlet fis-seħħ biex jitnaqqas l-abbuż u anke biex aktar nies jużaw alternattivi teknoloġiċi.
Hija spjegatilna: “L-għan ta’ din id-direttiva hija li tirregola l-użu taċ-ċekkijiet, biex kemm jista’ jkun jitnaqqsu l-abbużi li jsiru b’dan it-tip ta’ tranżazzjonijiet. Ħa tiġi fis-seħħ fl-ewwel ta’ Jannar tas-sena d-dieħla, 2022. Bħala regoli, l-iktar waħda importanti hija ma jistgħux jintużaw ċekkijiet ta’ anqas minn €20, jiġifieri l-banek mhux se jkunu qed jaċċettaw iktar ċekkijiet li joħorġu b’ammont inqas minn €20.”
Ma’ din il-miżura hemm ukoll, li ċekkijiet ta’ aktar minn €5,000 jistgħu jiġu ddepożitati biss fil-kont tal-benefiċċjarju stess.
Barra minn hekk, iċ-ċekkijiet se jkunu jistgħu jissarrfu biss lill-persuna msemmija fiċ-ċekk.
Din id-direttiva qed issir b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Assoċjazzjoni Bankiera Maltin.
Azzopardi sostniet: “Ovvjament hemm ħafna pagamenti ta’ metodi differenti li jistgħu jintużaw li joffru iktar sigurtà u ovvjament konvenjenza għall-klijenti l-oħra u ovvjament aħna qed nippruvaw li nimxu mit-tradition payment methods għal iktar metodi siguri u aktar elettroniċi, li joffru aktar miżuri ġodda u siguri għall-klijenti.”
Min jikser dawn ir-regolamenti jista’ jiġi mmultat sa €200.