Olandiż ta’ tlieta u tletin sena nħeles mill-akkużi wara li ġie mixli li kkawża ġrieħi ta’ natura gravi lil sewwieq ta’ mutur waqt ġlieda fuq il-vapur ta’ Għawdex.
Il-ġlieda nqalgħet wara li Moses Briffa ntlaqat mill-mera tal-karozza tal-Olandiż li jgħix Ħal Luqa waqt li kien qed jixtri l-biljett tal-vapur fl-Imġarr Għawdex.
L-akkużat baqa’ tiela’ fuq il-vapur u l-Qorti semgħet kif Briffa mar ifittxu u meta rah ipprova jagħtih daqqa ta’ ponn, bl-imputat jirrispondi b’daqqa oħra. Kien hawnhekk meta Briffa spiċċa mal-art.
Omm l-akkużat spjegat kif binha ried jiddefendi lilha u lin-neputijiet li kienu magħhom dak il-ħin.
Spjegat kif wara l-inċident, baqgħu ma’ Briffa sakemm wasal tim mediku biex jassistieh.
Fil-Qorti ġie ppreżentat biss il-filmat tal-inċident barra l-kabina tal-biljetti iżda ġie spjegat kif il-ġlieda fuq il-vapur ma nqabdet mill-ebda kamera tas-sigurtà.
Il-Qorti rat kif Briffa ma kellux ikun qed jixtri l-biljett minn hemmhekk mingħajr vettura.
Dan filwaqt li l-fatt li Briffa pprova jfittex lill-akkużat fuq il-vapur juri li kien qed ifittex li jinqala’ argument.
Il-Qorti temmet tgħid li ma setgħetx toqgħod biss fuq il-verżjoni ta’ Briffa u għalhekk ma setgħetx issib lill-akkużat ħati.
L-imputat inħeles ukoll mill-akkuża li kiser il-paċi pubblika.