Tnediet skema li se tgħin b’mod dirett lil kumpaniji u negozji Maltin li ma setgħux ikomplu joperaw minħabba l-isfidi tal-pandemija.
Permezz ta’ din l-iskema bl-isem ta’ ‘Restart’, negozji li kellhom jagħlqu minħabba l-pandemija, jistgħu jibbenefikaw minn għotja sa ħamest elef ewro għal servizzi ta’ konsulenza.
Dawn jgħinu lin-negozji jfasslu pjan biex jerġgħu jqumu fuq saqajhom. Dan il-pjan imbagħad mhux se jitħalla fuq il-karta, hekk kif l-iskema se tkopri wkoll għotja sa ħamest elef ewro oħra li se tgħin lin-negozji jimplimentaw il-pjan li jkun tfassal fl-ewwel fażi tal-iskema.
Skema oħra li ngħataw id-dettalji tagħha fl-istess konferenza tal-aħbarijiet hija dik bl-isem ta’ ‘Change to Grow’.
Din ukoll se tkopri sa €5,000 f’konsulenza biex in-negozji jingħataw pjan t’azzjoni għal tibdil u tiġdid tal-kumpanija. L-iskema tkopri wkoll €5,000 ewro biex il-kumpanija tkun tista’ timplimenta l-pjan t’azzjoni tagħha.
Il-kumpaniji eliġibbli għal din l-iskema huma dawk li għandhom impjegat wieħed jew aktar.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia spjega kif il-kumpaniji qed jirċievu l-informazzjoni kollha dwar dawn l-iskemi b’email.
Farrugia stqarr, “Dawn flimkien qegħdin naraw li mhux biss huma injection ta’ likwiditá fi skemi li diġà offrejna bħala Malta Enterprise imma issa qed ngħidu lin-negozju biex jaħseb iktar fid-dettall kif jista’ n-negozju tiegħu jagħmlu iktar ambjentalment sostenibbli, jagħmlu iktar diġitali.”
Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, Miriam Dalli spjegat kif dawn l-iskemi qed isiru wara li l-Gvern sema’ l-bżonnijiet tal-imprendituri Maltin.
Il-Ministru Dalli sostniet, “Aħna nemmnu fis-sens imprenditorjali tal-Maltin u l-Għawdxin. Il-pandemija kienet xi ħaġa li ħadd ma stenna imma ma nixtiqux li l-pandemija tkun il-kaġun li nnaqqru jew intellfu mis-sens imprenditorjali li għandhom il-businesses f’pajjiżna. Għalhekk li għandna żewġ skemi differenti. Skema biex dawk il-businesses li baqgħu sejrin fil-pandemija imma issa jħossu li għandhom bżonn imbuttatura ’l quddiem biex jikbru u jiddiversifikaw u skema għall-businesses li qalgħu daqqa negattiva u li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna biex jerġgħu jibdew mill-ġdid.”