Fi 15-il sena, bejn l-2005 u l-2020, Malta naqqset bin-nofs ir-rata ta’ dawk li jitilqu mill-iskola kmieni. Dan ġie kkonfermat f’analiżi li saret mill-Bank Ċentrali ta’ Malta.
L-istess analiżi turi li filwaqt li dawk li jitilqu mill-iskola kmieni jistgħu xorta waħda jsibu impjieg, in-nuqqas ta’ kwalifiki bażiċi jikkomprometti l-impjegabbiltà aktar tard fil-ħajja, minħabba nuqqas ta’ ħiliet u konsegwenzi ekonomiċi u soċjali.
L-istudju wera li l-qligħ medju gross fis-siegħa għal dawk b’livell terzjarju ta’ edukazzjoni kien erbgħin fil-mija ogħla mill-qligħ medjan ta’ dawk b’livell intermedju ta’ edukazzjoni u ħamsa u sittin fil-mija iżjed minn dawk b’livell bażiku biss ta’ edukazzjoni.
Il-proporzjon tal-popolazzjoni li għandha livell terzjarju ta’ edukazzjoni żdied bi kważi t-tripplu bejn l-2005 u l-2020, minn 10.3% għal 28.0%.
Minkejja t-tluq mill-iskola b’livell bażiku ta’ edukazzjoni, il-biċċa l-kbira ta’ dawk li jitilqu mill-iskola kmieni f’Malta kienu għadhom impjegati.
Kważi sebgħa minn kull għaxar persuni li telqu mill-iskola qabel iż-żmien kienu impjegati fl-2020. Din hija l-ogħla rata ta’ impjiegi fost dawk li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien madwar l-Unjoni Ewropea.
L-analiżi li saret ikkonkludiet li minkejja n-nuqqas ta’ kwalifiki uffiċjali, dawk li jitilqu kmieni mill-iskola f’Malta xorta jista’ jkollhom ħiliet relevanti għas-suq tax-xogħol.