Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-ħaddiema fit-tarzna ta’ Palumbo. Huwa qal li ħa gost ħafna jiltaqa’ ma’ ħaddiema tas-sengħa bi snin ta’ esperjenza.
Dr Abela sostna li ż-żjarat li jagħmel b’mod konsistenti fost il-ħaddiema, juru kemm il-ħila tal-ħaddiem Malti f’oqsma differenti, hi kruċjali biex ikun attirat iżjed investiment.
Huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu, li seta’ jara b’għajnejh ix-xogħlijiet li qed tagħmel Infrastruttura Malta, bħala parti minn investiment ta’ €50 miljun tax-shore to ship, bil-għan li l-Port il-Kbir ikun wieħed mill-ewwel portijiet fl-Ewropa li jħaddem din is-sistema.
Il-Prim Ministru temm jgħid li permezz ta’ dan il-proġett il-Gvern se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti tal-madwar li jibdew igawdu minn arja iktar nadifa.