Se tirritorna l-Malta Fashion Week f’nofs Lulju, wara li kellha tinqabeż minħabba l-pandemija. B’differenza, din is-sena Malta Fashion Week se tkun iffukata fuq id-disinji tal-moda Maltin.
Fuq il-bejt ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta, fejn se jsir l-avveniment, iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta, Jason Micallef, stqarr kif dawn it-tliet serati se jservu wkoll ta’ ċelebrazzjoni tal-prodott Malti bil-miżuri kollha neċessarji sabiex tiġi assigurata s-saħħa ta’ kull min jattendi.
Is-Sur Micallef spjega: “Il-protokolli huma, aħna naturalment kull avveniment il nagħmlu bħala Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, insegwu l-miżuri bl-aktar mod strett u rigoruż. Naturalment hemm miżuri li ġew rilaxxati u qegħdin nikkalkulaw li fuq bażi ta’ ‘first come, first serve’, kull serata l-ġimgħa d-dieħla fil-ħmistax, sittax u s-sbatax ta’ Lullju jkollna attendenza ta’ madwar mitejn ruħ bilqiegħda.”
Il-Ministru għall-Arti Josè Herrera fisser li hemm ukoll pjanijiet għal aġenzija tal-Gvern marbuta ma’ dan is-settur.
Huwa sostna: “Bħala dekasteru naħseb li għandna nimpenjaw ruħna wkoll biex ngħinu nixprunaw aktar dan is-settur. Aħna bħala Kunsill tal-Arti daħħalna l-moda bħala kriterja ta’ fejn aħna nistgħu ngħinu anke mill-fondi tal-arti u hekk qed nagħmlu, però kien hemm entità fi ħdan il-Kunsill tal-Arti li kienet tirriferixxi għall-moda li għal xi żmien ma kinitx tiffunzjona. Naħseb wasal iż-żmien ukoll li nerġgħu nirriattivawha. Kif għandek Żfin Malta u Teatru Malta, għandu jkollok Moda Malta taħt il-Kunsill Malti għall-Arti.”