Kandidat Nazzjonalista li kkontesta l-elezzjoni ġenerali tal-2017 għajjar lill-Maltin imbeċilli fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook. Salvu Mallia li kien wieħed mill-magħżula tal-eks kap Nazzjonalista Simon Busuttil, għamel dan fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook il-Ħadd filgħodu.
Dan b’reazzjoni għall-istħarriġ ta’ Vincent Marmara li wera fiduċja b’saħħitha fil-Prim Ministru Robert Abela u l-Partit Laburista, b’distakk simili ħafna għal dik tal-aħħar elezzjoni ġenerali, dik li fiha l-istess Salvu Mallia ukoll kien baqa’ l-art.
Fil-passat huwa mhux l-ewwel darba li uża mod ikkulurit sew biex jitkellem dwar il-Laburisti. Saħansitra kien qabbel il-Partit Laburista man-Nażisti. Mallia kien ukoll jattakka lil Adrian Delia waqt li kien Kap tal-Partit Nazzjonalista u kien wieħed minn dawk li għamel pressjoni kbira biex jitneħħa u floku joħodlu postu Bernard Grech. Saħansitra kien sejjaħlu buffu. Iżda għal dan kollu huwa dejjem irċieva l-kenn mill-establishement tal-Partit Nazzjonalista bl-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil jgħid li Mallia huwa bniedem li jitkellem mill-qalb.