B’kollaborazzjoni bejn l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u l-Kummissjoni tal-Films se jittellgħu kunċerti diretti fit-Teatru Rjal fil-Belt fejn matulhom, se tindaqq mużika minn films, ħafna minhom li nħadmu hawn Malta stess.
Il-kunċerti se jsiru b’okkupanza limitata.
Il-Ministru għall-Arti Josè Herrera sostna li bil-ftuħ gradwali f’pajjiżna, dan l-avveniment dirett u kkontrollat se jkun l-ewwel minn bosta tax-xorta tiegħu.
Huwa stqarr: “Dan l-avveniment huwa l-ewwel minn ħafna. L-Orkestra Nazzjonali tagħna kibret ħafna u saret tlaħaqqha ma’ orkestri oħra famużi internazzjonali, m’hemmx dubju li l-livell huwa għoli ħafna. Il-mużika tal-Orkestra tagħna hija apprezzata ħafna, tattira udjenza sostanzjali, u allura jien persważ li llum bdejna l-ewwel programm u nispera li fil-futur qasir inniedu programm itwal li jkopri s-sena kollha.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo stqarr li bħalma jmorru flimkien il-kultura u t-turiżmu, l-istess huma l-films u l-mużika, u b’hekk dan l-avveniment se jżewweġ dawn iż-żewġ kunċetti sabiex jitgawdew kemm minn familji Maltin, u anke t-turisti.
Huwa qal, “Naraw kif permezz tal-mużika u permezz tal-kunċerti, inkunu qed intejbu dejjem il-prodott turistiku ta’ pajjiżna u nqajjmu għarfien tal-industrija tal-films, mhux biss għat-turisti li jiġu hawn Malta iżda wkoll għall-familji Maltin u Għawdxin li naf li għandhom għal qalbhom ħafna l-kultura Maltija, il-films u anke l-mużika.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, Sigmund Mifsud stqarr li l-mużiċisti jinsabu eċċitati biex jerġgħu jibdew idoqqu għal udjenza b’mod dirett.
Huwa sostna: “Aħna ovvjament ninsabu eċċitati ħafna għax wasalna fiż-żmien li nerġgħu nibdew norganizzaw il-kunċerti diretti. Aħna nemmnu li parti mix-xogħol ewlieni tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta huwa dak li norganizzaw dawn it-tip ta’ kunċerti fejn in-nies jistgħu jattendu u nerġgħu nibdew il-ħajja soċjali li konna tant imdorrijin biha.”
Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju għall-Films Johann Grech tenna kif dan l-avveniment se iqajjem l-għarfien fuq l-industrija tal-films lokali, li tul iż-żmien baqgħet tikber.
Huwa saħaq: “Nemmnu ħafna fil-kunċett li nistgħu niksbu aktar flimkien milli nimxu waħidna, u għalhekk illum għal darb’oħra l-Kummissjoni tal-Films qed taħdem m’entità oħra tal-Gvern f’pajjiżna, din id-darba l-MPO fejn se ntellgħu dan il-kunċert Filmusic flimkien.”