Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat deċiżjoni tal-Qorti li ma jkunx rilaxxat bastiment li allegatament intuża f’kuntrabandu tal-fjuwil. Il-bastiment Dimitra allegatament ġarr ukoll aktar minn 34,000 litri ta’ żejt li 8,000 minnhom kienu kuntrabandu. Il-Qorti nnutat li l-bastiment kien lest biex jitrasferixxi l-fjuwil u mhux ħut, u l-merkanzija ma kellhiex x’taqsam mas-sajd.
Dan il-bastiment kien ġie kkonfsikat bil-merkanzija ta’ fuqu lura fl-2013, minħabba suspett ta’ kuntrabandu tal-fjuwil. Miegħu kienu ġew ikkonfiskati erba’ bastimenti oħra li wkoll kienu qed iġorru fjuwil mhux iddikjarat.
Sid il-bastiment u xi kumpaniji tas-sajd, Paul Piscopo, u martu, kienu talbu l-Qorti biex il-bastiment u l-merkanzija jkunu rilaxxati. Din kienet ġiet miċħuda mid-Direttur Ġenerali tad-Dwana li argumenta li fjuwil kien instab maħżun f’tankijiet tal-plastik fil-bastiment taħt ċirkostanzi suspettużi.
Sostna li meta l-bastiment kien interċettat minn membri tal-Forzi Armati, fuqu ma kienx hemm tagħmir tas-sajd, u l-liċenzja kienet skaduta. Minflok, instab elf litru fjuwil f’tankijiet tal-plastik, li għalihom il-kaptan u l-membri tal-ekwipaġġ ma kellhomx spjegazzjoni. Il-bastiment kien skortat lejn il-Port il-Kbir għal iktar investigazzjonijiet fejn instabu aktar tankijiet bil-fjuwil.
Is-sidien qed jargumenta li l-bastiment għandu jkun rilaxxat għaliex l-għajxien tagħhom jiddependi minn dan il-bastiment, u li l-valur tal-allegat fjuwil mingħajr ħlas ta’ taxxa mhux proporzjonat mal-valur tal-bastiment.
Fl-elfejn u sbatax il-Qorti Ċivili kienet ċaħdet din it-talba u talbet lill-Pulizija biex tinvestiga lis-sidien.
Il-Qorti tal-Appell innotat ukoll li skont espert li qabdet il-Qorti stess qal li ma kienx hemm ħjiel ta’ attività marbuta mas-sajd.
Skont il-Qorti tal-Appell l-ikkonfiskar tal-bastiment sar kif meħtieġ, u nnotat ukoll li għaddejjin proċeduri kriminali kontra l-kaptan.