“Illejla assistejna għal baġit soċjali, wara l-ħidma li saret f’baġits preċedenti, issa qed ngħinu dawk li l-inqas kienu qed igawdu. Nistgħu nagħmlu dan bil-ġid li kattarna fejn għandna pajjiż li jista’ joffri servizzi ġodda.”Dan kien kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat fl-indirizz tiegħu lill-midja b’reazzjoni għall-preżentazzjoni tal-baġit.
Il-Prim Ministru irrimarka li l-ewwel u qabel kollox kellu jkun indirizzat id-defiċit u d-dejn biex ikunu jistgħu jitħabbru miżuri bħal dawk taż-żieda fil-pensjoni u tnaqqis fit-taxxa kif ukoll iż-żieda ta’ €4 fil-ġimgħa għal persuni li qegħdin fuq il-minimum wage.
Fi kliem il-Prim Ministru, l-ewwel għan ta’ dan il-Gvern huwa li jkompli jnaqqas il-faqar, u li ma jkunx hawn żgħażagħ taħt is-sittax-il sena li jgħixu fil-faqar.
Min-naħa tiegħu d-Deputat Prim Ministru Louis Grech qal li l-baġit sar bi prudenza u responsabbiltá. Fid-diskors tiegħu rrimarka li baġit tajjeb jitkejjel bil-mod ta’ kif jitqassam il-ġid. Huwa sostna li s-suċċessi li rnexxielu jikseb dan il-Gvern fl-aħħar tliet snin ma kienux faċli iżda l-istrateġija tal-Gvern wasslet għal baġit sostenibbli.
Il-Ministru għal finanzi Edward Scicluna, qal li minn għada se jkun qed jiltaqa’ ma nies li għandhom fiduċja fil-Gvern u li l-Gvern għandu fiduċja fihom, fosthom pensjonanti u familji fil-bżonn, li minkejja li hemm restrizzjonijiet se jkunu qed igawdu minn dan il-baġit. Il-Ministru stqarr li wasal il-mument li l-Gvern juża l-mezzi tiegħu biex iqassam il-ġid f’kull faxxa tas-soċjeta. Grazzi għal dan il-baġit, spjega l-Ministru, se jmur quddiem il-Kummissjoni Ewropea u l-aġenziji ta’ kreditu internazzjoni b’baġit sostenibbli.