Il-Partit Laburista nieda l-Mitt Idea f’forma ta’ abbozz ibbazzat fuq il-ħidma ta’ kull policy forum.
Dan ġie diskuss, emendat u approvat mill-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit.
Dan sabiex issa ser jiskatta proċess b’numru ta’ laqgħat interni bejn id-delegati, diskussjoni mal-korpi kostitwiti u konsultazzjoni pubblika.
Fid-diskors tiegħu il-Prim Ministru Robert Abela stqarr kif dawn huma mitt idea li jibtu mill-prinċipji fundamentali tal-Partit Laburista, filwaqt li jżomm l-għatx tar-riforma li kellhom missirijietna.
Huwa ta ħarsa lejn l-inizjattivi soċjali li implimenta Gvern Laburista fl-aħħar snin u kif dawn juru l-għanijiet li twaqqaf għalihom il-Partit Laburista.
Dr Abela spjega kif wara l-kriżi finanzjarja ta’ wara l-2008, il-pandemija kienet dik li serviet bħala eżempju ċar ta’ xi rwol għandu jkollu l-istat. Dan hekk kif f’pandemija għen u kien ta’ forċina għal dawk l-iktar li kellhom bżonn.
Huwa tkellem dwar it-tliet prinċipji importanti li jsawwru l-Partit Laburista, fosthom li l-partit Laburista minn dejjem kien il-Partit tax-xogħol. It-tieni prinċipju huwa dak tal-għaqal li l-Gvern jaħdem bih biex meta jiġu l-isfidi l-pajjiż ikun kapaċi jkompli miexi l-quddiem. L-aħħar prinċipju huwa dak tat-tqassim ekwu tal-ġid.
Huwa stqarr li sa mill-bidu tat-tmexxija tiegħu huwa ried li l-Partit Laburista jkompli jkollu l-għatx tal-bidla.
“Lura għal Jannar tal-2020. Meta nħtart mexxej tal-Partit Laburista kien hemm min qalli u kienu diversi, Robert kien hemm affarijiet li setgħu saru aħjar u tajjeb li dawk jinibdlu, iżda iċċaqqlaqx wisq l-ilmijiet. L-Oppożizzjoni hija dgħajfa u m’għandniex għalfejn nieħdu riskji żejda. U t-tweiġiba tiegħi dakinhar kienet ċara kristall; kull meta il-Partit Laburista beża’ mill-bidla tilef. U jiena qiegħed hawn biex dan il-partit jibqa’ jirbaħ ħalli jkun jista’ jtejjeb il-ħajja tal-Maltin u tal-Għawdxin.”
Huwa tkellem dwar l-importanza tal-ambjent f’pajjiżna, kemm dak naturali u dak urban. Qal li hemm urġenza biex nagħtu prijorità lill-ispazji miftuħa.
Huwa stqarr li maż-żmien ikun hemm sfidi ġodda iżda l-Partit Laburista għandu l-kredenzjali kollha biex dawk l-isfidi jindirizzahom.
“F’dinja li tinbidel kuljum hija realtà li l-isfidi kontinwament jiċċaqalqu. Iżda li hu żgur hu li dan il-partit huwa dak li għandu l-kredenzjali biex l-ifidi jaqlibhom f’opportunitajiet. Għalhekk iż-żmien li ġej irridu nużawh biex insaħħu dawk il-proġetti li bdejna u li qed nimplimentaw b’ritmu tant mgħaġġel.”
Stqarr li llum il-Partit Laburista qed ikompli jipproponi iżjed riformi ma’ dawk li saru fl-aħħar snin. Qal li dan huwa l-bażi ta’ proċess li fih ser jintwera fejn il-Partit Laburista irid jieħu lil dawn il-gżejjer. Hawnhekk huwa tkellem dwar il-gżira Għawdxija u l-importanza li dan ikun il-post fejn fih jiġu mnedija proġetti ambjentali qabel ikunu estiżi għall-kumplament tal-pajjiż.
“Il-100 idea għalhekk huma proċess ta’ kontinwazzjoni ta’ proċess ta’ tisħiħ. Tisħiħ li jwassalna flimkien għal aktar kisbiet, mhux biss għall-Partit Laburista iżda kisbiet fl-interess ta’ pajjiżna, fl-interess tan-negozji tagħna, fl-interess tal-familji tagħna.”
Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Daniel Micallef stqarr li dan huwa biss il-bidu ta’ diskussjonijiet li jinħassu l-ħtieġa tagħhom f’pajjiżna. Qal li l-Partit Laburista qed iħares lejn il-futur ta’ dan il-Pajjiż b’aġenda riformista qawwija.
Waqt it-tnedija ingħata rendikont tax-xogħol kollha tal-għaxar policy fora ffurmati apposta fil-Partit Laburista.
Id-dokument tal-100 idea qed ikun ippublikat fuq is-sit tal-Partit Laburista sabiex anke l-pubbliku jkun jista’ jarah u jieħu sehem fid-diskussjoni.