Il-parkeġġ f’Misraħ is-Sebgħa ta’ Ġunju 1919 fil-Ħamrun ser jiġi kkonvertit fi spazju aħdar għat-tgawdija tal-pubbliku.
Iż-żona ser tkun qed tara investiment ta’ miljun u nofs ewro mill-Fond Soċjali u għall-Iżvilupp Nazzjonali, biex b’hekk isir ix-xogħol ta’ tħaddir.
Minkejja dan il-proġett ta’ tħaddir il-parkeġġ eżistenti ser jibqa’ disponibbli bil-ġnien elevat mistenni jinbena fuqu.
Dan huwa l-ewwel proġett minn total ta’ erbgħa li ser jinkludu tħaddir f’żoni urbani, l-oħrajn ser ikunu f’żoni f’Ħal Qormi, fil-Mosta, u f’Ħaż-Żabbar, b’investiment totali ta’ erba’ miljun u nofs ewro.
L-implimentazzjoni tiegħu ser tkun qed tieħu ħsiebu l-fergħa GreenServ fi ħdan il-WasteServ.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ WasteServ, Richard Bilocca ddeskriva dan il-proġett bħala kunċett innovativ li ser jinfirex f’aktar minn post wieħed u li huwa l-ewwel tax-xorta tiegħu f’pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza, Alex Muscat spjega kif dan huwa propju l-għan għaliex l-inizjattivi tal-programm ta’ residenza qegħdin jattiraw investiment dirett barrani li qiegħed ikun investit fil-komunitajiet Maltin u Għawdxin.
“Għalhekk kien twieled dak il-programm, għalhekk aħna naħdmu biex inġibu investiment internazzjonali biex nużawh fejn l-aktar li hemm bżonn. Bla dubju naqblu ukoll li jkollok aktar spazji miftuħa, ħodor biex jitgawdew mill-familji tal-akwata hija xi ħaġa li hemm bżonnha.”
Il-Ministru responsabbli mill-Ambjent, Aaron Farrugia innota kif din hija t-triq ’il quddiem li tara aktar tħaddir fiż-żoni l-aktar urbani, fost inizjattivi oħra bħal ġonna vertikali u inizjattivi ta’ tħaddir ta’ djar.
“Huwa ġnien fejn il-familji tal-madwar jistgħu jirrikreaw irwieħhom u jkollhom il-ħin tal-mistrieħ tagħhom mingħajr ma’ jkollhom il-bżonn li jidħlu fil-karozza u jmorru lejn il-Buskett, lejn Ta’ Qali u ż-żoni l-oħra li huma komuni fost il-Maltin u l-Għawdxin. Inħares ’il quddiem biex dan il-proġett ikun ta’ eżempju ta’ kif nixtiequ naraw fil-pjazez, il-postijiet tagħna fejn nistgħu nħaddruhom fejn mill-griż immorru għall-aħdar.
Ix-xogħol mistenni jibda fil-ġimgħat li ġejjin bi tlestija tiegħu sa disa’ xhur oħra.