Madwar 90% tal-infezzjonijiet tal-COVID-19 f’pajjiżna, huma ta’ nies li mhumiex imlaqqma kontra l-virus.
Dan qalu d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet, fejn ta dettalji dwar is-sitwazzjoni tal-imxija u t-tilqim f’pajjiżna.
Il-Ministru għas-Saħħa spjega li fl-isptarijiet bħalissa hemm żewġ pazjenti, wieħed minnhom fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
Dawn iż-żewġ pazjenti, barranin li jgħixu Malta, mhumiex imlaqqmin kontra l-COVID-19. Fl-istess waqt, il-ġimgħa l-oħra kien hemm mara fl-Isptar Mater Dei pożittiva għall-virus li kienet tqila u allura ma kinitx imlaqqma wkoll.
“Dan juri kemm huwa importanti t-tilqim u juri kemm huwa importanti li aħna nibbażaw ħafna mill-politika tagħna tar-rilaxx tal-COVID fuq l-użu taċ-ċertifikat tat-tilqim għax it-tilqim jipproteġi l-individwi u jipproteġi lis-soċjetà.”
Sa issa, tnejn u tmenin punt ħamsa fil-mija tal-adulti f’Malta ħadu minn tal-inqas l-ewwel doża u sebgħa u sebgħin fil-mija huma mlaqqma kompletament.
Bħalissa qegħdin jitlaqqmu t-tfal u ż-żgħażagħ ta’ bejn it-tnax u l-ħmistax-il sena.
Chris Fearne qal li sa issa, ħamsa u sebgħin fil-mija ta’ dawk li kellhom l-appuntament fl-aħħar jiem ħadu t-tilqima u dalwaqt se tintlaħaq iċ-ċifra ta’ għoxrin fil-mija ta’ dawk li għandhom bejn it-tnax u l-ħmistax-il sena li ħa jkunu ħadu minn tal-inqas l-ewwel doża.
Tfal li ma rċevewx l-invit, iridu jibagħtu e-mail fuq kidscovid@gov.mt.
Il-Ministru għas-Saħħa ħabbar ukoll li mid-dsatax ta’ Lulju se tibda sistema ġdida biex dawk li għadhom ma ħadux it-tilqima, inkluż barranin li jgħixu Malta, ikunu jistgħu jitlaqqmu bla appuntament.
“Mid-dsatax ta’ dan ix-xahar, ħa jkollna ċentri ta’ walk ins fejn persuna jista’ jmur mingħajr appuntament b’dokument li juri li huwa residenti Malta biex b’hekk aħna nkunu nistgħu lil dawn il-persuni nagħtuhom it-tilqima.”
Dwar iċ-ċertifikat tal-vaċċin, id-Deputat Prim Ministru qal li sal-lum tniżżlu mitejn u elfejn ċertifikat, li aktar minn sebgħin elf minnhom huma Ewropej.
Iż-żewġ verżjonijiet taċ-ċertifikat; dak lokali u dak Ewropew, jitniżżlu mill-istess paġna minn fuq certifikatvaccin.gov.mt.
Fakkar ukoll li minn fuq is-sit app.eupif.eu tista’ titniżżel il-Passenger Locator Form, li hija bżonnjuża biex persuna tkun ikkuntattjata f’każ li jirriżulta xi ħadd pożittiv li kien fuq l-istess ajruplan. Fil-ftit jiem li ilha aċċessibbli online, ħdax-il elf persuna niżżlu din il-formola.
Mill-15 ta’ Lulju, Malta se tingħaqad fi pjattaforma Ewropea li tindika wkoll jekk bniedem kellux il-COVID fil-passat u jekk ħax test tal-COVID fl-aħħar tnejn u sebgħin siegħa.
“Diġà huwa possibbli li tniżżel il-vaccine certificate kemm Malti kif ukoll Ewropew imma mill-ħmistax tax-xahar se tkun tista’ tniżżel iċ-ċertifikat tal-PCR u wkoll jekk qattx kellek f’dawn l-aħħar tliet xhur – ovvjament għax imbagħad l-immunità ma nafux kemm tibqa’ tgħodd jew le, dawn huwa regoli Ewropej – u jekk kellekx il-COVID u fiqtx minnha wkoll.”
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat irringrazzja lill-ħaddiema kollha ta’ Identity Malta, li huma s-sinsla wara s-suċċess tal-proċessi biex jitniżżlu ċ-ċeritifikati u l-applikazzjonijiet online.
Fi kliem is-Segretarju Parlamentari, l-effiċjenza u s-sigurtà huma żewġ pilastri ewlenin li jsawru dawn is-sistemi, li jagħmluhom konformi wkoll ma’ dak mitlub mill-Unjoni Ewropea.