L-ewwel jum tal-ġimgħa ta bidu għal konferenza mifruxa fuq ġimgħa li matulha se jiltaqgħu dawk kollha fil-qasam soċjali biex jikkonsultaw u jiddiskutu ħalli flimkien jiffurmaw viżjoni soċjali għal Malta sas-sena 2035.
Fost is-suġġetti li se jkunu diskussi f’dawn il-jum hemm dawk tad-diżabilità, iż-żgħożija, il-vizzji, il-komunità LGBTIQ, l-immigrazzjoni, it-tfulija, il-vjolenza u r-riintegrazzjoni tal-eks priġunieri.
Fil-ftuħ tal-konferenza, il-Ministru għall-Ġustizzja u s-Solidarjetà Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, innota kif l-aħħar ċifri għal pajjiża juru li Malta kellha fost l-ogħla rati ta’ tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea, xprunata minn fatturi bħal żidiet fil-pagi, rati baxxi ta’ qgħad u ż-żieda tan-nisa fis-suq tax-xogħol.
Qal li aktar minn qatt qabel, il-pandemija wriet kemm iż-żminijiet jinbidlu u jkun hemm bżonn bidliet li jikkumplimentawhom.
“Huwa importanti li naraw li jkun hemm ġustizzja soċjali fis-soċjetà tagħna fis-sens li kulħadd ikollu l-opportunità li jiżviluppa l-potenzjal tiegħu imbagħad it-tieni parti hija importantissima mmens – is-solidarjetà soċjali, li mhux tparla biss imma twettaq.”
Il-Ministru Falzon spjega li l-qasam soċjali jiġbor fih firxa wiesa’ ta’ servizzi fosthom dawk edukattivi, tas-saħħa, il-kura tal-anzjani u l-ħarsien tat-tfal, u dan juri kemm hu importanti li kulħadd jiġbed ħabel wieħed fl-aħjar interess taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
“Kemm hu importanti li naħdmu flimkien, niġbdu l-istess ħabel fl-istess direzzjoni; bir-riżultat aħħari jkun dak li dak li emminna dejjem bħala Partit u dak li wettaqna partikolarment f’dawn l-aħħar tmien snin, ikun li ntejbu lis-soċjetà tagħna, xi ħaġa li ma jista’ jinnega ħadd li għamilna passi kbar ’il quddiem f’dawn l-aħħar tmien snin.”