Persuni ta’ bejn l-55 u s-74 sena ser ikollhom l-opportunità li jtejbu l-kompetenzi diġitali tagħhom u jsiru konxji tal-bosta opportunitajiet li joffri l-internet. Dan permezz ta’ proġett ġdid tal-ICT għall-anzjani bl-isem ‘ICT 4 the Elderdly’ immexxi minn Tech.mt
Dan il-proġett iffinanzjat mill-Erasmus + ser jiġbor flimkien l-Iżvizzera, il-Ġermanja, l-Islovenja u l-Belġju flimkien ma’ pajjiżna.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Tech.mt, Dana Farrugia spjegat kif l-anzjani huma awturi ewlenin fis-soċjetà u għalhekk l-inkorraġiment tagħhom fl-ekonomija diġitali huwa kruċjali.
Hija fissret, “Tech.mt baqgħet kommessa biex teduka lis-soċjetà tagħna. Importanti ħafna li jkollna soċjetà li tkun digitally enabled. Aħna ħa nibqgħu ninvestu f’din il-kawża.”
Parteċipant f’dan il-proġett stqarr kif issa ma jistax jistenna sakemm dak li ser jitgħallem hu permezz ta’ dan il-proġett ikun jista’ jgħaddih lil ħaddieħor.
Frances Darmanin qalet, “Grazzi għal Tech.mt, il-fatt li anke fil-passat kellhom dawn il-courses, u forsi l-courses il-ġodda li jsiru għall-anzjani u forsi anke l-courses l-ġodda jistgħu jgħinu lill-anzjnai jilħqu mat-teknoloġija.”
Il-Ministru għall-Ekonomija u l-iIdustrija Silvio Schembri, li nieda dan il-proġett innota kif rapport riċenti tal-Kummissjoni Ewropea wera li 13% biss tal-persuni li għandhom bejn il-55 u 74 sena għandhom ħiliet diġitali bażiċi.
Huwa stqarr kif din l-inizjattiva hija investiment dirett fil-kwalità tal-ħajja tal-anzjani: “Minkejja l-pandemija rajna kif għamilna sforz u għaqqadna grupp ċkejken ta’ anzjani sabiex eventwalment dan il-grupp inkunu nistgħu nkabbruh u ntuhom l-iskills bażiċi kif jistgħu jużaw it-teknoloġija, kif jikkreaw account tal-email, kif jikkomunikaw ma xulxin, kif jistgħu jixtru online, issa li iktar is-servizzi online huma iktar available u affarijiet bażiċi li tgħaddi bil-ħajja ta’ kuljum. Dan huwa l-mod kif irridu naħdmu biex anke l-anzjani tagħna jkunu parteċipi fl-ekonomija diġitali tagħna wkoll.”