Permezz tal-Malta Enterprise, se tigi offruta għajnuna fuq spejjeż marbuta ma’ xogħol ta’ rinnovazzjoni fuq lukandi u ristoranti – din toffri kreditu fiskali marbut ma’ spejjeż għal xogħol ta’ rinnovazzjoni, sa massimu ta’ €50,000 għar- ristoranti u €200,000 għal-lukandi.
Strateġija għal Kemmuna
Is-sena d-dieħla l-Gvern se jkun qed jirriforma l-mod kif jiġu organizzati l-attivitajiet għat-turisti fuq din il-gżira u fl-ibħra ta’ madwarha fid-dawl tal-pjan nazzjonali għall-ħarsien tal-ambjent naturali tal-gżejjer Maltin.
Se jitwaqqaf kumitat operattiv immexxi mill-Ministeru tat-Turiżmu u li jinkludi rappreżentanti ta’ diversi entitajiet u ministeri biex għall- ewwel darba naħdmu flimkien biex Kemmuna tingħata l-istatus ta’ Park Nazzjonali. Il-kumitat se jara wkoll li n-Natura 2000 Management Plan tal-gżejjer ta’ Kemmuna jitwettaq.
L-Istitut għall-Istudji Turistiċi
Bis-saħħa ta’ ftehim ma’ għadd ta’ istituzzjonijiet lokali u internazzjonali, matul din is-sena beda l-proċess biex l-istudenti jkunu jistgħu minn Settembru 2017 jattendu korsijiet li joffri l-Istitut b’kollaborazzjoni ma’ dawn l-istituzzjonijiet u li jwasslu għal livell ta’ baċellerat bl-unuri.
Il-kontribuzzjoni miġbura mit-turisti
Wara li minn din is-sena bdejna niġbru kontribuzzjoni ta’ 50 ċenteżmu fuq kull lejl li turist iqatta’ f’pajjiżna, issa se jkun qed jaħdem trust, magħmul minn rappreżentanti tal-Gvern u tal-privat, li jkun inkarigat li jagħżel il-proġetti li għandhom jitwettqu bil-flus miġubra minn dawn il-kontribuzzjonijiet.