F’jum storiku għall-patrimonju Malti, ġiet ratifikata l-Konvenzjoni tal-UNESCO għall-Preservazzjoni tal-Wirt Kulturali taħt il-Baħar, liema konvenzjoni torbot lil pajjiżna sabiex jipproteġi l-wirt kulturali kollu li jinsab taħt il-baħar.
F’konferenza tal-aħbarjiet fil-Belt intqal kif din ir-ratifikazzjoni hija prova tal-ħidma bla waqfien mid-diversi aġenziji Maltin, li diġà kienu qegħdin jipproteġu dawn is-siti bir-riżorsi li kellhom.
Heritage Malta wkoll laqgħet din ir-ratifika.
Il-lettur fi ħdan l-Università ta’ Malta, Timmy Gambin sostna kif dan il-pass kien wieħed kruċjali biex nippreservaw il-passat ta’ Malta, iżda anke għall-futur ta’ dawn is-siti taħt il-baħar. Sostna li minkejja r-responsabbiltà kbira quddiemha, Malta lesta biex taċċetta dan l-irwol kruċjali.
“Bħala pajjiż ippreparati. Kien hemm l-att tal-wirt kulturali li ġie addatat fl-elfejn u dsatax speċifikament ibbażat fuq il-Konvenzjoni tal-UNESCO u s-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali issa għandhom tim li jieħdu ħsieb speċifikament il-wirt kulturali ta’ taħt il-baħar u l-Università ta’ Malta wkoll tagħmel ħafna riċerka fil-qasam tal-arkeoloġija marittima.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, José Herrera qal li f’dawn l-aħħar għoxrin sena, din il-konvenzjoni kienet utli għall-ħarsien ta’ wirtna.
Sostna li dan ir-riżultat ma ġiex minn xejn, anzi huwa rikonoxximent tax-xogħol kollu ta’ pajjiżna f’dan il-qasam.
“Biex wasalna s’hawn kellhom isiru bosta riformi kemm leġislattivi u kemm ta’ organizzazzjoni, allura l-mixja lejn ir-ratifikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni fissret li aħna tajna iktar valur lill-entitajiet li jissalvagwardjaw il-patrimonju tagħna u r-riżultat tal-inizzjattivi u l-isforz kollu tagħna waslu biex konna kapaċi niffirmaw din il-konvenzjoni.”