Pjan mirqum li jfassal it-triq ’il quddiem għal pajjiżna.
Hekk kien deskritt il-pjan ta’ rkupru ekonomiku b’aktar minn €320 miljun ta’ fondi li ġew innegozjati s-sena l-oħra fl-Ewropa, waqt diskussjoni fil-Parlament il-Ħamis filgħodu.
Il-Ħadd li għadda, lejliet li tressaq quddiem il-Kabinett, il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan il-pjan se jissarraf fi proġetti importanti għall-pajjiż u l-ħolqien ta’ aktar impjiegi.
Intant, fil-Parlament, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi, innota kif dan il-pjan huwa mfassal fuq prinċipji, studji u konsultazzjonijiet; u jindirizza sitt oqsma prinċipali fosthom il-qasam ambjentali, diġitali, dak edukattiv, tas-saħħa u tal-governanza.
Innota kif il-maġġoranza tal-fondi se jkunu investiti fl-ambjent u sitta u għoxrin fil-mija oħra se jmorru għall-qasam diġitali, anki fil-kuntest li l-pandemija wriet kemm id-diġitalizzazzjoni hija t-triq ’il quddiem.
“Dan il-pjan huwa pjan mirqum, pjan li jfassal triq ’il quddiem, pjan li se jkun qed jonfoq il-fondi tal-Unjoni Ewropea b’għaqal, pjan li se jagħti t-triq ’il quddiem lil pajjiżna, pjan li huwa ħolqa fid-diversi inizjattivi li ħa l-Gvern biex naraw li jkollna rkupru ekonomiku, pjan li żgur se jagħmel ġid lill-poplu Malti u Għawdxi kollu, pjan ambizzjuż, pjan ambjentali, pjan diġitali, pjan li se jkompli jwassalna biex pajjiżna jkompli miexi ’l quddiem.”
Il-Ministru għall-Ambjent, Aaron Farrugia qal li madwar ħamsin fil-mija tan-nefqa ta’ dan il-fond ta’ rkupru se jmorru għal inizjattivi ambjentali; f’turija ċara ta’ impenn lejn l-ambizzjoni ċara tal-Gvern li jilħaq il-miri ambjentali.
“Qegħdin ngħidu ħa nagħmlu electrification ta’ ħafna u ħafna karozzi. Tal-privat, tan-nies. Ħa nikkonvinċuhom bi grants biex in-nies, ladarba tispiċċa l-karozza tagħhom mhux jixtru oħra b’combustion engine imma jixtru waħda elettrika għaliex jekk tħares lejn il-pie chart tal-emissjonijiet ta’ Malta, tinduna li nofsha hija t-trasport.”
Il-Ministru għall-Ġustizzja u Governanza Edward Zammit Lewis faħħar il-mod ta’ kif ġie mqassam dan il-pjan, u fakkar ukoll kif il-Gvern ma qagħadx jistenna dawn il-fondi biex jgħin lin-negozji u l-familji fi żmien ta’ sfidi bla preċedent.
“Dan hu pjan ta’ viżjoni għal ekonomija iktar b’saħħitha u reżiljenti, ambjent aħjar u Malta diġitali. Dan hu pjan, b’kuntrarju għal dak li qalilna l-Kap tal-Oppożizzjoni – li l-froġa lesta, dan hu pjan serju u bilgħaqal li jpoġġi ċ-ċittadini fiċ-ċentru tal-politika tal-Gvern. Dan hu pjan ta’ Gvern għan-nies.”