Noel Sciberras ta’ 20 sena li jgħix f’Birkirkara ingħata sentenza ta’ tliet snin ħabs, wara li fil-Qorti ammetta li nhar il-Ġimgħa li għadda kkommetta serqa minn banka tal-lottu f’Birkirkara.
Fil-Qorti nstema’ kif dakinhar tar-reat il-Pulizija rċievew rapport ta’ serqa minn banka tal-lottu, u meta marru fuq il-post avviċinaw mara anzjana li qalet li ġiet mhedda b’sikkina.
Intqal kif Sciberras seraq mat-€300 minn fuq il-post, fejn wara li ħarab huwa biddel ħwejġu f’kumpless ta’ garaxxijiet viċin tal-banka tal-lottu.
Il-Prosekuzzjoni sostniet li l-ħwejjeġ instabu ftit wara li rċievew ir-rapporti u minn hemm ġabru diversi filmati mill-cameras tas-sigurtà, li intużaw sabiex isegwu lill-imputat sar-residenza tiegħu.
Il-Pulizija nnutat ukoll li fil-filmat dehret tpinġija m’id ir-raġel li kienet identika ma’ dik ta’ Sciberras, biex b’hekk ġiet ikkonfermata l-identità tiegħu.
Intqal kif huwa kien ukoll fuq ordni ta’ probation u li meta ġie arrestat, għand l-imputat instabu biss €150 mit-€300 misruqa.
Għalhekk huwa ġie ordnat ukoll li jħallas lura dak li seraq flimkien ma’ multa ta’ €116.
L-imputat kien assistit mill-avukat Ramon Bonnet Sladden.