Żewġ Periti li kienu akkużati bil-qtil involontarju ta’ Miriam Pace nstabu ħatja u ġew ordnati jagħmlu xogħol komunitarju flimkien ma’ multa ta’ eluf ta’ ewro.
Fl-għoti tas-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Dr Joseph Mifsud sab lill-Perit Roderick Camilleri ħati tal-akkużi kollha mressqa kontrih, fosthom anki li bi traskuraġni kkaġuna ħsara fil-proprjetà tal-istess vittma kif ukoll fi tliet proprjetajiet oħra.
Camilleri ta’ 37 sena mir-Rabat ġie ordnat li jagħmel xogħol bla ħlas fil-komunità għal 480 siegħa.
Huwa ġie mmultat €10,000.
Il-Perit Anthony Mangion ta’ 73 sena mill-Gżira nstab ħati ta’ żewġ akkużi fosthom ta’ qtil involontarju u ġie ordnat jagħmel xogħol bla ħlas fil-komunità għal 400 siegħa.
Il-Qorti ordnatlu wkoll jħallas multa ta’ €8,000.
Iż-żewġ persuni misjuba ħatja ġew ordnati wkoll iħallsu l-ispejjeż tal-Qorti bejniethom li jammontaw għal kważi €19,300.
Il-Qorti wkoll ma ħassitx li għandha tiskwalifika liż-żewġ Periti mil-liċenzji tagħhom bħala Periti.
Fis-sentenza ssemma wkoll li diġà sar ftehim mal-parte civile dwar ħlas ta’ danni.
Fuq dan il-każ hemm żewġ akkużati oħra, Ludwig Dimech ta’ 38 sena minn Ħaż-Żebbuġ, li kien il-kuntrattur u Nicholas Spiteri ta’ 43 sena mill-Imqabba, li kien qed jaħdem fis-sit li fih seħħ il-każ.
Dawn it-tnejn mistennija jgħaddu ġuri.
Huma qed jiġu mixlijin li fit-2 ta’ Marzu tal-2020, fis-sit li jinsab bejn Triq Joseph Abela Scolaro fil-Ħamrun u Triq Antonio Miruzzi f’Santa Venera, bi traskuraġni ikkaġunaw il-mewt ta’ Miriam Pace, omm ta’ 54 sena.