Pajjiżna issa huwa attrezzat b’taqsima speċifika għall-iżolament ta’ persuni li jkunu morda b’mard infettiv ħafna. B’investiment ta’ aktar minn miljun u nofs ewro minn fondi Ewropej, pajjiżna għandu taqsima b’żewġ sodod li hija attrezzata sabiex fiha pazjenti morda b’mard li jinxtered malajr jingħataw it-trattament kollu f’iżolament.
Il-Kap tat-Taqsima tal-Mard Infettiv fl-isptar Mater Dei, Dr Charles Mallia Azzopardi spjega kif f’din it-taqsima ġdida tista’ tingħata kura tal-istess livell li tingħata fit-taqsima għall-kura intensiva.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi nnota kif din it-taqsima hija frott l-użu tajjeb ta’ fondi Ewropej li wasslu sabiex pajjiżna jkollu wieħed mill-ftit attrezzamenti ta’ dan it-tip fl-Ewropa.
Huwa stqarr: “Huwa qasam importanti ħafna, mhux biss li jkollok dawn il-faċilitajiet għall-finijiet tal-qasam tas-saħħa iżda wkoll anke fuq kwistjoni ta’ sigurtà nazzjonali.”
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne nnota kif anke fi żmien pandemija, pajjiżna kompla jinvesti.
Huwa sostna: “Il-mard infettiv, highly infectious diseases mhux biss irridu nkunu lesti li nagħtu l-kura lil min ikollu dan il-mard, iżda wkoll irridu nassiguraw is-saħħa tal-istaff tagħna li jkun qed jieħu ħsieb dawn il-pazjenti, tal-pazjenti l-oħrajn li jkunu f’dan l-isptar kif ukoll tal-komunità inġenerali.”