Studenti fil-Fakultà tal-Ekonomija fl-Università ta’ Malta se jitgħallmu aktar dwar it-tijorija tal-logħob grazzi għal ftehim bejn l-Università u l-Awtorità Maltija għal-Logħob.
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Ekonomija, il-Professur Philip von Brockdorff, qal ukoll li s-suġġett se jitmezza mill-Professur rinomat Amerikan, Andrew Narwold.
Huwa qalilna: “Imma b’mod partikolari wkoll jipprepara lill-istudenti tagħna forsi jkun hemm min ukoll jitħajjar jidħol jaħdem fis-settur tal-logħob għaliex ovvjament importanti li t-teorija wkoll tgħin lill-istudenti biex ovvjament ikunu familjari ħafna mat-teknika f’dak li għandu x’jaqsam mat-teorija tal-logħob.”
Ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred Vella, qal li l-Università tkun interessata li toffri wkoll taħriġ fis-settur tal-logħob għal dawk kollha li diġà jaħdmu f’dan is-settur u jixtiequ jtejbu l-għarfien tagħhom.
Huwa stqarr: “L-Università tipprovdi dak illi jkun hemm bżonn għalih f’tempi qosra, jiġifieri kemm jista’ jkun mhux wieħed jistenna s-snin biex tagħmel xi proġett jew tagħti xi għajnuna imma jkollna mezz biex naħdmu flimkien aktar malajr.”
Carl Brincat, Kap Eżekuttiv tal-MGA, qal li ftehim bħal dan huwa importanti għas-settur tal-logħob.
Huwa fissrilna: “Uħud mill-għanjiet regolatorji tagħna huma li nippromwovu s-sostennibbilità tal-industrija u li anke lil Malta bħala ċentru ta’ eċċellenza għall-industrija inkluż bħala għarfien u allura kollaborazzjoni bħal din mal-Università hija pass importanti biex nkomplu notjenu dan l-għan.”