Neil Agius jinsab qrib jilħaq id-90 kilometru ta’ qdif, hekk kif ilu aktar minn 36 siegħa fil-baħar miftuħ jgħum fl-isfida li qed jagħmel, bil-għan li jikser ir-rekord dinji tal-itwal għawma, mingħajr waqfien u mingħajr għajnuna biex ikompli jqajjem kuxjenza ambjentali.
Agius beda l-isfida tiegħu minn Linosa, li hija gżira ċkejkna qrib l-Afrika ta’ Fuq, jumejn ilu fis-6:30pm u l-għan tiegħu hu li jasal lejn Malta llejla.
Huwa qed jipprova jirreġistra rekord dinji li jaqbeż l-itwal għawma f’baħar miftuħ ta’ 124.4km u għalhekk qed jgħum mal-130km.
Matul il-lejl li għadda Agius naqqas xi ftit it-ritmu ta’ qdif, minħabba li l-arja tiksaħ xi ftit aktar u kulma jmur qed titżdied l-għejja tal-għawwiem.
Apparti minn hekk, il-kurrenti tar-riħ kienu għaddejjin kontra l-qadfa tal-għawwiem Malti.
Issa Neil qabad ċertu ritmu u jinsab mal-50km ’l bogħod u fil-fatt qed jara l-Malta.
Wieħed jista’ jsegwi it-traġitt ta’ Neil Agius b’mod dirett mill-ħolqa t’hawnhekk: http://yb.tl/waveofchange21.
Ritratt: Neil Agius/ Kurt Arrigo – Facebook