F’Jum l-Imnarja, il-bidwija Anna Zahra kienet qed taħdem fl-għelieqi tagħha fil-Għargħur taqta’ l-qarabagħli u t-tadam.
Bħal-lum, Anna s-soltu tkun il-Buskett fejn tieħu sehem fil-wirja agrarja biex turi x-xogħol li tagħmel.
Fost ix-xogħol li ttella’ Anna f’din il-wirja hemm ta’ għodod u makkinarju antik li kien jintuża fl-għelieqi f’dari.
Anna qalet ma’ ONE News kif qed tħoss vojt kbir mingħajr din il-wirja li tirrappreżenta l-festa tal-bdiewa.
Qalet, “Għalija tfisser, veru ħafna xogħol u hekk, imma qisu xorta tħoss dik id-dieqa li għalkemm Ġunju kont inkun dejjem qisni qas naf fejn jien, biex nipprepara għal din l-imbierek wirja, imma xorta tħoss dak il-vojt dik ix-xi ħaġa nieqsa.”
Anna qaltilna kif il-festa tal-Imnajra jqisuha bħall-festa tar-raħal.
Hija qalet li dan ix-xogħol m’għandux Ħdud u festi, u jibda mill-bidu mal-Paternoster sa nżul ix-xemx.
Spjegat, “Il-ħajja ta’ bidwi mhix faċli. Trid tkun ta’ dak il-mistier ngħidlu jien, qishek trid titwieled fiha, bħal ma jien u r-raġel, it-tnejn ġejjin mill-familja, il-ġenituri tagħna bdiewa għax il-bqija xogħol iebes u t-tfal tal-lum għandhom raġun ma jmorrux għal dak is-settur.”
Lil Anna staqsejniha wkoll kif tħossha li taħdem f’xogħol li ġeneralment huwa assoċjat aktar mal-irġiel.
Qalet kif madwar kwart ta’ seklu ilu, minħabba raġunijiet personali kellha bżonn taħdem iżjed u meta bdiet tmur il-pitkalija u fis-suq tal-bdiewa, il-Farmers’ Market kienu avviċinawha biex tkun parti mill-Kooperattiva tal-Bdiewa.
Qalet, “U ħeġġuni kienu biex noħroġ għall-kumitat u jien mara. Fi storja ta’ sittin sena, il-Kooperattiva ma kellha xi ħadd mara fil-kumitat u kont jien l-ewwel waħda u kif ħriġt, tlajt mal-ewwel u tant laqawni l-bdiewa li qas bsart jien li laħquni segretarja.”
Anna għalqet l-intervista magħna billi spjegatilna xi jfisser il-qawl: F’Jum l-Imnarja, l-bajd u l-ħalib jitla’ fl-arja.
Qalet, “It-tiġieġa ma tkunx fil-ġageg biex tbied u allura kienu jerfgħu l-bajd ngħidulhom. Ftit kont issib bajd, mill-Imnarja l’ hemm u tal-ħalib, għala? Għax in-nagħaġ bħal dan iż-żmien jiġu mgħammrin sewwa, jiġifieri jkollhom il-ħrief. Allura meta n-nagħġa tkun qed tgħammar ma jkolliex ħalib, seww. Allura b’hekk il-bajd u l-ħalib fl-Imnarja jitla’ fl-arja.”