Minn nhar it-Tnejn bdew jitlaqqmu tfal ta’ bejn it-tnax u l-ħmistax-il sena kontra l-COVID-19, wara li f’Mejju, l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini approvat it-tilqima ta’ Pfizer-BioNTech bħala sigur biex jingħata lil persuni ta’ din l-età.
Ġenituri setgħu jirreġistraw lil uliedhom għat-tilqima mis-16 ta’ Ġunju, bil-pariri tal-esperti fil-qasam jibqgħu kostanti, dik li l-ġenituri jlaqqmu lil uliedhom kontra l-virus.
Fl-Università ta’ Malta stajna naraw numru kbir ta’ tfal jistennew għat-tilqima mal-ġenituri tagħhom, uħud xi ftit imbeżża’, oħrajn ħerqana biex imiss lilhom. Hawn tkellimna mal-Professur Victor Grech, pedjatra li kien fost dawk li bdew ilaqqmu lit-tfal fl-Università, dwar l-andament fl-ewwel jum tat-tilqim.
Prof. Grech spjegalna: “Kien hemm ħafna entużjażmu, u kellna naqra aktar nies milli stennejna, li jfisser li l-poplu jridha. Probabbli nagħmlu l-ewwel jumejn bieżla u mbagħad l-affarijiet jikkalmaw ftit. Forsi għaxart ijiem jew għoxrin jum ieħor, it-tfal kollha ‘l fuq min 12-il sena jkunu lesti.”
ONE News seta’ jara wkoll kif irreaġixxu t-tfal huma u jitlaqqmu.
Prof. Grech sostna: “Ħafna minnhom jiġu, jpoġġu u nagħtuhielhom. Dawn issa huma adulti żgħar, u ma kellniex inkwiet xejn bihom. Studji juru li ta’ min jeħodha din. Anke jekk nafu li tfal għandhom anqas ċans li jkollhom kumplikazzjonijiet bil-COVID-19 bħal mewt jew effetti tal-marda. Xorta aħjar jekk tieħu l-vaċċin.”
Filwaqt li fisser għall-darb’oħra l-importanza li l-ġenituri jirreġistraw lil uliedhom biex jitlaqqmu, kellu dan il-messaġġ għal dawk it-tfal li għadhom xi ftit imbeżża’ mit-tilqima.
Huwa saħaq: “M’hemmx inkwiet. Tiġi hawn, teħodha, u ħafna minnhom staqsewni jekk hux se jeħduha, u nkun diġà tajthielhom u lesti. Tant drajna nlaqqmu issa li ma jħossu xejn.”
Intant l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pedjatrija appellat lill-ġenituri ta’ tfal li għandhom bejn it-12 u 15-il sena sabiex jaċċettaw l-istedina tal-awtoritajiet tas-saħħa u jieħdu lit-tfal tagħhom jitlaqqmu kontra l-Covid-19.
Spjegat ukoll li l-adoloxxenti li huma mlaqqma kontra l-virus ser jipprevenu wkoll l-imxija tal-virus lill-qraba, lil sħabhom u lil nies oħra oħra li huma vulnerabbli għal kumplikazzjonijiet assoċjati mal-Covid-19.