B’investiment ta’ madwar mija u għoxrin elf ewro, ġie rrestawrat l-orgni fil-Bażilika tal-Għarb f’Għawdex, li għandu storja li tmur lura aktar minn mitt sena.
Tmenin fil-mija tal-fondi li ntużaw f’dan ir-restawr ġejjin mill-Unjoni Ewropea.
Qal, “Permezz ta’ dar-restawr li sar mill-Assoċċjazzjoni Kura, li fi ħdan id-Djoċesi t’Għawdex matul is-snin ħdimna fuqha, qed naraw li mhux biss inkunu nistgħu ingawdu minnha llum imma wkoll se naraw li nħalluh għal ta’ warajna.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri tkellem dwar l-importanza li jiġi mħares il-wirt ta’ pajjiżna u rringrazzja lill-voluntiera li offrew ħinhom għal dan il-proġett.
Spjega, “Dawn it-teżori, apparti li ngawduhom kif gawdejnihom fil-passat, irridu naraw li jibqgħu u li jkunu tal-ogħla livell sabiex propju nibqgħu ingawdu minnhom.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi sostna li dan huwa parti minn proġett ikbar madwar Malta u Għawdex, fejn qed jiġi msaħħaħ il-portafoll kulturali li toffri Malta lit-turisti.
Qal, “Permezz ta’ ħidma li qed issir qed jirnexxielna nużaw fondi tal-Unjoni Ewropea biex inkomplu narrikjixxu l-wirt storiku li għandna ġewwa l-gżira t’Għawdex.”