Il-morning-after pill se tkun tista’ tinxtara mingħajr il-preskrizzjoni tat-tabib. Dan ikkonfermatu l-Awtoritá tal-Mediċini.
Fil-kummenti tiegħu l-Professur Anthony Serracino Inglott li jmexxi l-Awtorità Maltija tal-Mediċini qal li skont l-istudji li għamlet l-Awtoritá meta tapplikahom għal pajjiżna, hemm ċans li jekk wieħed jieħu din il-pillola bil-preskrizzjoni tat-tabib, tonqos l-effikaċja, jiġifieri l-effett primarju tal-morning-after pill, emerġenza għal raġuni, jintilef.
Fi kliem il-Professur, għalhekk l-ispiżjar Malti għandu biżejjed kwalifiċi li jagħmluh kompetenti biex ikun jista’ jagħti din il-pillola.
l-Awtoritá se tkun qed toħroġ linji gwida għall-ispiżjara, ta’ kif għandhom jitrattaw dawn il-każi, biex l-ispiżjar ikun tal-aħjar għajnuna meta xi ħadd ikun irid jieħu l-morning-after pill.
Huwa stqarr li din id-deċiżjoni ma kinitx influwenzata mill-protesti, iżda ibbażata fuq fatti speċifiċi li jżommu lil pazjent fiċ-ċentru tad-deċiżjoni. Fi kliem il-Professur minkejja li ddiskutew mal-entitajiet relevanti, din id-deċiżjoni kienet ifformulata fuq il-kwalitá, sigurtá u l-effikaċja.
Dan l-iżvillupp tħabbar ġurnata biss wara l-protesta kontra l-bżonn tat-tabib biex tieħu l-MAP ilbieraħ fil-Belt Valletta. Fl-aħħar jiem kienu bosta l-fondazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet li protestaw kontra l-bżonn tal-preskrizzjoni u li l-morning-after pill hija pillola ta’ emerġenza għal raġuni.