Il-Gvern ħabbar iżjed rilaxx ta’ miżuri restrittivi li jidħlu fis-seħħ minn nhar it-Tnejn li ġej.
Fost dawn il-miżuri minn nhar it-Tnejn li ġej, ristoranti, bars, każini u snackbars ser jitħallew jibqgħu jaħdmu sas-sagħtejn ta’ filgħodu, jekk dan huwa permess mil-liċenzja tal-istabbiliment.
Intant, dawk l-istabbilimenti li l-liċenzja tagħhom tesiġi li jagħlqu qabel is-sagħtejn ta’ filgħodu għandhom jagħlqu fil-ħin stabbilit fl-istess liċenzja.
Minn nhar it-Tnejn li ġej ukoll, il-mezzi ta’ trasport tal-baħar se jitħallew jaħdmu b’65% tal-ammont ta’ passiġġiera li jistgħu jtellgħu, filwaqt li l-waterparks ser jerġgħu jiftħu.
Sport li jinvolvi kuntatt għat-tfal ta’ taħt is-17-il sena se jerġa’ jkun permess, filwaqt il-fitness classes se jkunu permessi li jerġgħu jibdew ikunu organizzati.
Minn nhar it-Tnejn li ġej ukoll, se jiżdiedu l-ħinjiet ta’ viżitaturi tal-iswali ewlenin fl-Isptar Mater Dei. Dan se jkun estiż mill-11:30am sas-1:00pm u mit-3:00pm sat-8:00pm.
Il-Gvern ħabbar ukoll li mill-1 ta’ Lulju, kull min ħa d-dożi kollha tal-vaċċin u għaddew 14-il ġurnata mill-aħħar doża u għandu fil-pussess tiegħu ċ-ċertifikat tal-vaċċin, se jkun jista’ jibqa’ mingħajr maskra f’postijiet pubbliċi fil-miftuħ.
Dan sakemm ma jinġemgħux iżjed minn żewġ persuni mlaqqma flimkien.
Barra minn hekk, tfal ta’ taħt it-12-il sena jistgħu jibqgħu bla maskra sakemm ikunu akkumpanjati minn persuna li huwa mlaqqam kontra l-COVID-19.