Heritage Malta issa għandha taqsima ta’ diġitizzazzjoni tal-arti-fatti b’fondi Norveġiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea.
Dan l-investiment f’Heritage Malta, waħda mill-għassiesa tal-wirt storiku Malti, ilaħħaq iż-żewġ miljun ewro.
Il-proċess fit-taqsima mnedija ser ivarja b’metodi differenti li minnhom ser tittieħed kopja tal-artifatti.
Fost dawn hemm fotografija, vidjografija u scanning tridimensjonali.
Sa issa diġà hemm mal-elfejn u ħames mitt artifatt li saret verżjoni virtwali tagħhom.
Dawn preżentament jinsabu fil-Mużew Marittimu fil-Birgu li bħalissa jinsab magħluq għal pubbliku hekk kif qed isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni tal-post.
Dan huwa l-ewwel proġett tax-xorta tiegħu fejn ser jiżgura li l-patrimonju kulturali jkun aktar aċċessibbli filwaqt li jinżamm inventarju diġitali ta’ dak kollu li jifforma parti mill-wirt storiku.
Preżenti għat-tnedija ta’ din it-taqsima kien hemm il-Ministru responsabbli mill-Wirt Nazzjonali u l-Arti, José Herrera fejn innota li apparti ta’ dan il-proġett qed jinġabru memorji tat-Tarzna u dawk li kienu jaħdmu fiha. Qal ukoll kif hemm il-ħsieb li dan il-proġett jkun estiż għal aktar siti u artifatti.
Il-Ministru Herrera stqarr: “L-idea hija mbagħad li naturalment kif għamilna fil-mużew marittimu li huwa parti żgħira mill-patrimonju kulturali tagħna eventwalment il-partrimonju kollu tagħna fit-total tiegħu isir diġitizzat.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li dan il-proġett li ser isir permezz ta’ dawn il-fondi ser ikun qed ikompli jtejjeb is-servizz marbut mal-wirt ta’ pajjiżna.
Huwa qal, “Fir-rigward tal-Mużew Marittimu qed nitkellmu fuq aktar minn elfejn u ħames mija u allura dan huwa mod kif nagħmlu investiment biex inkomplu narrikixxu il-wirt kulturali li għandu pajjiżna u nkomplu nagħtu aċċess aħjar għalih.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit sostna kif din it-taqsima ser tkun qed tiżgura l-ġejjieni għall-imgħoddi ta’ pajjiżna billi qed tkompli toħloq esperjenza unika lil viżitaturi anki b’mod virtwali.