Il-Gvern, flimkien mal-Uffiċċju tan-Negozju tal-Familja u l-Malta Enterprise nieda inċentiv b’total ta’ miljun ewro sabiex isostni s-suċċessjoni tan-negozji tal-familja.
Dan propju tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Gvern għan-Nies’ mill-Ministru għall-Intrapriża Miriam Dalli, fejn ġie spjegat kif permezz ta’ dawn l-inċentivi, in-negozji tal-familja se jingħataw assistenza u gwida biex ikunu jistgħu jippjanaw aħjar is-suċċessjoni tan-negozju tagħhom.
Għalhekk, negozji tal-familja li huma rreġistrati se jkunu jistgħu jgawdu sa massimu ta’ €15,000 fuq perjodu ta’ tliet snin.
Il-Ministru Dalli qalet kif in-negozji tal-familja huma pilastri u sors ewlieni għall-ekonomija ta’ pajjiżna.
Il-Ministru stqarret, “Irridu li n-negozji tal-familja jimxu minn ġenerazzjoni għall-oħra bl-aktar mod faċli u qed nagħmlu dan għax nemmnu fin-negozji tal-familja li wara kollox huma l-maġġoranza tan-negozji li għandna f’dan il-pajjiż.”
Fil-konferenza li saret għand in-negozju tal-familja ‘JMartans’, li ilha taħdem mill-2005 u hija fl-ewwel ġenerazzjoni ta’ negozju tal-familja, tkellem ukoll ir-regolatur mill-Uffiċċju tan-Negozju tal-Familja, Dr Joseph Gerada, fejn saħaq dwar l-importanza ta’ ippjanar għas-suċċessjoni għan-negozji tal-familja.
Dr Gerada spjega, “Permezz ta’ dawn il-flus ikunu jistgħu jieħdu konsulenza professjonali kif ukoll għajnuna minn medjaturi biex iwassluhom ħalli jfasslu pjan ta’ suċċessjoni b’saħħtu sabiex dak in-negozju jkompli u jkun hemm kontinwità għall-ġenerazzjoni li jmiss.”
Fl-istess konferenza intqal kif huwa stmat li f’dawn l-aħħar erba’ snin sa mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi tan-Negozji tal-Familja, negozji tal-familja ffrankaw tlieta u għoxrin miljun ewrp f’taxxa. Permezz tal-eżenzjonijiet mit-taxxa, dawn in-negozji tal-familja setgħu ikomplu jinvestu u jkabbru l-operat tagħhom.