Aktar minn 600 żagħzugħ u żagħżugħa li jagħmlu użu mis-servizzi mogħtija mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, l-FSWS, issa se jiġu offruti aktar servizzi speċjalizzati biex jiġu indirizzati l-isfidi tagħhom b’mod ħolistiku.
Fost is-servizzi li se jiġu offruti hemm l-Youth in Focus, l-Achieve u l-Adolescent Day Programme li għandhom l-għan li jindirizzaw l-vizzju tad-droga billi dawn iż-żgħażagħ jingħataw appoġġ u s-sostenn mingħand il-professjonisti.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-FSWS ftit jiem qabel is-26 ta’ Ġunju, il-jum li jfakkar il-Jum Internazzjonali kontra d-Droga u l-Abbuż mis-Sustanzi.
Preżenti kien hemm il-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon fejn qal li matul din is-sena ġew investiti ma’ €2,330,000 fuq servizzi ffukati biss fuq l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ.
Hu stqarr li li jkun żball kbir jekk nikkundannaw lil dawn iż-żgħażagħ li qed jabbużaw mid-droga. Għaldaqstant sostna li għandna nkunu hemm biex ngħinuhom jiksbu l-ħiliet li għandhom bżonn.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti għamel aċċenn għall-bżonn ta’ pjan speċjalizzat minn ħaddiema mħarrġa biex jaħdmu maż-żgħażagħ u enfasiżża li dawn iż-żgħażagħ għandhom dritt għad-dinjità u li jgħixu ħajjithom ħielsa mix-xorb u d-droga.