Raġel ta’ 39 sena li diġà kellu ordni li ma jersaqx lejn ommu li allegatament heddidha b’xabla, reġa’ ġie arrestat f’dar ommu wara, din id-darba b’mus fil-pusses tiegħu.
Fil-Qorti ntqal li r-raġel ħabbat il-bieb t’ommu, daħal u beda jitlobha ttih il-flus għad-droga.
Intqal ukoll li l-omm ta’ sebgħin sena ġiet mhedda fejn binha talabha tmur torqod f’sodditha u ma toħroġ mill-kamra tas-sodda.
Fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu, għalkemm imbeżża’, ħarġet minn kamritha waqt li binha kien rieqed u b’xi mod irnexxilha ċċempel lil bintha li imbagħad sejħet lill-pulizija li marret fid-dar tal-omm u arrestat lir-raġel.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest iżda l-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ċaħdet it-talba minħabba l-biża’ ta’ intralċ tal-provi.
Dan anki fid-dawl li meta ngħata l-libertà proviżorja, l-indirizz li pprovda l-akkużat kien ta’ garaxx bla ilma.
Hawnhekk l-akkużat kien qal lill-pulizija li jinħasel il-gym.