Fil-Lussemburgu, fejn iltaqa’ il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea bi tħejjija għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew bejn il-mexxejja Ewropej li se ssir il-Ħamis u l-Ġimgħa li ġejjin fi Brussell fejn se jkunu diskussi l-pandemija u l-immigrazzjoni fost oħrajn.
Għan-nom ta’ pajjiżna kien hemm preżenti s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.
Fuq l-immigrazzjoni, Zrinzo Azzopardi insista fuq teħid ta’ azzjoni għaliex mhux biżżejjed li d-diskussjoni tibqa’ fuq il-mejda.
Is-Segretarju Parlamentari saħaq fuq l-importanza tax-xogħol li jrid isir fil-pajjiżi minn fejn tibda l-immigrazzjoni u l-pajjiżi minn fejn jgħaddu l-immigranti.
Qal li l-kwistjoni tal-immigrazzjoni trid soluzzjonijiet tanġibbli ġejjin minn azzjonijiet konkreti, fosthom b’koperazzjoni mal-Gvern Libjan.
Huwa qal, “Għamilna diversi interventi marbutin mal-ħidma li hemm bżonn li ssir rigward l-immigrazzjoni fejn hemmhekk hemm bżonn u sħaqt kemm hemm ħtieġa li jkollna passi aktar konkreti biex nindirizzaw din ir-realtà l-aktar għal pajjiżi fruntiera bħal ma huwa Malta.”
Dwar id-diskussjoni li se ssir fil-Kunsill Ewropew fuq il-pandemija, is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi nnota li din se ssir fl-isfond tal-mod avvanzat kif qed jitmexxa t-tilqim u t-titjib fil-qagħda epidemoloġika tant li bdew jitneħħew ir-restrizzjonijiet.