Ftehim bejn il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija l-MCST u l-Istitut għall-Edukazzjoni se jwassal għall-kors fuq livell maġisteru fl-Edukazzjoni tas-suġġetti tax-Xjenza, Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika magħrufa bħala STEM.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet fil-bini tal-Esplora, l-istess post minn fejn se jibda jingħata dan il-kors fuq bażi part-time għall-perjodu ta’ tliet snin; filwaqt li uħud mil-lezzjonijiet se jingħataw ukoll online.
Fl-indirizz tiegħu, iċ-Chairman tal-MCST Dr Jeffrey Pullicino Orlando tenna li dan il-ftehim juri l-investiment kontinwu li qed isir fl-ISTEM filwaqt li sostna li x-xjenza huwa settur li għadu qed jitkattar f’pajjiżna; madanakollu dan il-kors se jkun qed ifisser pedament sod.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Istitut għall-Edukazzjoni Joanne Grima spjegat l-importanza tax-xjenza f’ħajjitna, u bħala eks għalliema tal-kimika tenniet li b’dan il-ftehim qed inqarbu aktar lin-nies lejn ix-xjenza.
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici qal illi x-xjenza tagħti s-soluzzjonijiet għall-isfidi tal-lum.
Il-Ministru Bonnici stqarr: “Aħna nemmnu li hemm tliet domandi prinċipali li bħalissa rridu nwieġbu għalihom, waħda minnhom hija kif aħna se nkunu reżiljenti u kompetittivi; U propju hawnhekk l-innovazzjoni tidħol fiċ-ċentru ta’ dan kollu, għaliex aħna nemmnu illi bl-innovazzjoni tista’ toħloq ideat ġodda, ġid ġdid u postijiet tax-xogħol ġodda.”
Filwaqt li anke l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana elenkat dwar l-importanza li permezz tal-edukazzjoni pajjiżna jagħraf li jdawwar l-isfidi f’opportunitajiet.
Hija qalet, “Kull tibdila li nagħmlu fil-kurrikulu, kull żieda li nagħmlu jrid ikollok l-edukaturi li jkunu ppreparati biex ikunu jistgħu jagħmlu dan, u finalment ukoll biex kemm jista’ jkun inqanqlu interess f’dawn is-setturi fil-popolazzjoni inġenerali biex inkunu verament qed nindirizzaw bżonn u ħtieġa li għandna f’pajjiżna.”